Skont il-liġi ... L-‘isponsorship’ tal-kumpanija DB lill-PN kellha tkun iddikjarata
Imma l-PN jassigura lil dan is-sit li ‘Fl-ebda ħin u bl-ebda mod ma ksirna l-liġi... '
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Partit Nazzjonalista, f’nofs kontroversja wara li kienu żvelati ‘donazzjonijiet’ lilu mingħand il-kumpanija db, insista li l-flus (mas-€600,000 minn kumpaniji li tagħom is-sid jew waħda mis-sidien hija db) ma kinux donazzjonijiet, imma sponsorships għal programmi fuq il-media tal-PN. Minkejja dan, l-Att dwar il-finanzjament tal-partiti jagħmilha ċara li anke tali sponsorships għandhom ikunu dikjarati u meqjusin bħala ‘donazzjonijiet’ għall-fini ta’ din il-liġi meta l-kumpanija tkun “xi organizzazzjoni, kemm jekk tkun korporata jew le li fiha l-partit politiku, direttament jew indirettament jeżerċita amministrazzjoni effettiva u kontroll.”
Kemm id-dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università Kevin Aquilina u anke l-avukat Franco Debono, indikaw bl-aktar mod ċar li l-isponsorship li rċeviet il-kumpanija Media.Link sar bi ksur tal-liġi.
Minkejja dan, għall-mistoqsija diretta ta’ din il-gazzetta, il-PN ċaħad li qatt kiser il-liġi, għalkemm ma spjegax kif fil-fatt mhux qed jikser l-istess liġi. “Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jirrepeti li fl-ebda ħin u bl-ebda mod ma kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti,” intqal lill-ILLUM.
X'jgħid l-Att dwar il-finanzjament tal-Partiti dwar sponsorships?
B’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar l-20 ta’ Marzu minn Owen Bonnici, dwar storja li tirrigwarda flus lill-PN mingħand il-kumpanija Sky Gourmet tal-grupp db, il-PN kien insista li l-flus li ngħata minn din il-kumpanija kienu sponsorship u li r-relazzjoni mal-grupp db kienet purament fuq bażi kummerċjali.
L-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti, mill-bidu nett tiegħu jiddefinixxi x’inhi donazzjoni u jgħid hekk:
"Donazzjoni tfisser kull benefiċċju riċevut fir-rigward tal-attivitajiet jew il-funzjonijiet ta’ partit politiku, minn jew f’isem partit politiku, minn membru ta’ partit politiku, minn kandidat jew minn xi organizzazzjoni, kemm jekk tkun korporata jew le li fiha l-partit politiku, direttament jew indirettament jeżerċita amministrazzjoni effettiva u kontroll u għandha tinkludi, sakemm ma jiġix provdut mod ieħor:
(a) kull rigal ta’ flus jew ta’ proprjetà oħra, u (b) kull sponsorship...”
L-ILLUM, filwaqt li kkwotat din il-parti tal-Att, staqsiet lill-PN għalfejn ma kienx qed jiddikjara dawn il-flus, ladarba dawk li qed isejħilhom ‘sponsorships’ huma koperti bil-liġi. Il-PN sostna li huwa qatt ma kiser il-liġi tal-Finanzjament tal-Partit. “Il-Partit Nazzjonalista osserva din il-Liġi f’kull aspett tagħha u b’mod partikolari meta rreġistra eżatt saż-żmien imsemmi mill-Liġi u meta ppreżenta r-Rapport ta’ Donazzjonijiet eżatt fit-terminu impost mill-Liġi.”
“Il-każijiet kollha li saru l-allegazzjonijiet dwarhom issa ġew riferuti lill-Kummissjoni Elettorali. Il-Partit Nazzjonalista ser jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar kull parti mill-allegazzjonijiet imqajma, u dan mhux biss dwar dawk l-isponsorships, imma anke dwar kull allegazzjoni oħra.”
Intant, f’artiklu fuq il-gazzetta The Times, ilbieraħ id-dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta Kevin Aquilina filwaqt li laqqam dawn l-isponsorships bħala ‘dubjużi’, jikkonferma li skont l-Att, dawn jikkostitwuxxu bħala ‘donazzjoni’. “L-Att dwar ix-Xandir ma jipprovdix li sponsorship ta’ programm ma jaqax fid-definizzjoni ta’ sponsorship fid-definizzjoni msemmija hawn (skont l-Att tal-Finanzjament tal-Partit). Għalhekk, dan jikkostitwixxi f’donazzjoni, irrispettivament minn jekk donazzjoni hux qed tintuża għal produzzjonijiet tal-programmi jew biex tkopri spejjeż tal-kumpanija.”
“Ladarba l-isponsorship qed tirċevih il-kumpanija tal-media, mela tikkostitwixxi f’donazzjoni għall-fini tal-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti.”
‘Inħallu lill-Kummissjoni tinvestiga fis-serenità’
Intant l-ILLUM tkellmet ukoll mal-avukat Franco Debono fakkar kif il-liġi hija pjuttost ċara fejn tidħol kwistjoni ta’ sponsorships. Żied jgħid iżda li “wieħed irid iħalli lill-Kummissjoini Elettorali tinvestiga b’serenità. “Il-Kummissjoni mexxiet l-elezzjonijiet ġenerali, lokali u referenda fl-aħħar 50 sena u aktar u allura żgur qiegħda f'pożizzjoni li tamministra din l-Liġi, speċjalment jekk wieħed iħares lejn il-ħatra, kompożizzjoni u poteri tal-istess Kummissjoni taħt il-kostituzzjoni u l-Liġi dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali.”
Debono temm jgħid li dan kollu juri kemm hija għaqlija l-liġi, li daħlet fis-seħħ f’Jannar tal-2016, “u kemm naqas serjament il-PN meta rreżista s-sejħiet tiegħi għal din l-Liġi kif ukoll naqas li jtella’ għad-diskussjoni l-abbozz li preżentajt jien fil-Parlament f'Jannar 2012 li huwa l-bażi tal-Liġi prezenti.”
PN: Huwa l-PL li kiser il-Liġi tal-Finanzjament tal-partiti
Fir-risposta tiegħu lil din il-gazzetta, il-PN dawwar il-kanuni fuq il-Partit Laburista li “kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti fl-ewwel okkażjonijiet li kien imsejjaħ biex isegwiha – u dan meta ma rreġistrax bħala partit u meta qarraq pubblikament dwar dan, meta allega li kellu ‘reġistrazzjoni proviżorja’ – allegazzjoni li ġiet pubblikament imgiddba mill-istess Kummissjoni Eelettorali.” Il-PN qal ukoll li l-PL “ma ppreżentax il-lista ta’ donazzjonijiet għas-sena 2016 bħalma għamlu l-partiti kollha u l-ogħla uffiċjali tiegħu u l-preżentaturi tal-One qed jitħallsu ammonti u flejjes sostanzjali mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.”