Elezzjoni ġenerali: Għal Novembru jew għal Marzu?
Muscat qal li se ssir f’Marzu tas-sena d-dieħla... imma d-diċeriji għadhom għaddejjin u qed jippuntaw għal din is-sena. Muscat x’jaqbillu? F’Ottubru/Novembru jew f’Marzu 2018?
minn Albert Gauci Cunningham
Fil-ħajja ta’ demokrazija, fl-essenzjal, tliet xhur mhuma xejn. Fid-dinja tal-politika iżda, fejn jinħtieġ il-vot popolari biex partit jiggverna, tliet xhur jistgħu jkunu biżżejjed biex jagħmlu differenza f’riżultat elettorali u għalhekk differenza bejn għażla ta’ Gvern jew inkella ta’ ieħor. F’pajjiżna huma dawn it-tliet xhur differenza li fil-ġimgħat li ġejjin jista’ jkun li se jħabblu ras in-nies, lilna fil-midja, liż-żewġ partiti u, mingħajr dubju, lill-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu.
Minkejja li Muscat semma għal bosta drabi s-sena 2018 bħala s-sena tal-elezzjoni li jmiss, possibbiltà ta’ elezzjoni din is-sena ilha fuq il-karti għal sena issa. Din il-gazzetta nhar il-Ħadd 14 ta’ Frar 2016 kienet irrapurtat li waħda mill-għażliet li Muscat kien qed jikkunsidra bis-serjetà hija elezzjoni fl-aħħar tal-2017, wara l-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Bejn elezzjoni f’Novembru jew elezzjoni f’Marzu hemm perjodu ta’ tliet xhur. Tliet xhur, se jagħmlu differenza lill-fortuni ta’ Partit Laburista li jidher lest għat-tieni rebħa konsekuttiva tiegħu? Tliet xhur se jbiddlu rebħa, f’telfa? Tliet xhur se jkunu biżżejjed biex il-PN u Simon Busuttil jirkupraw ‘art’ mitlufa li baqgħet mhux irkuprata wara erba’ snin? Muscat irid elezzjoni f’Novembru biex jassigura rebħa jew elezzjoni f’Marzu biex forsi jkollu rebħa ikbar? Jew irid elezzjoni f’Novembru għax iħoss li elezzjoni f’Marzu jista’ jitlifha?
Il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn x’jistgħu jkunu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi politiċi ta’ elezzjoni f’Novembru jew inkella f’Marzu. X’jistgħu jkunu dawk il-fatturi li Muscat qed jikkontempla qabel jiddeċiedi jmurx għal Marzu 2018, jew inkella jeħlisx kollox din is-sena u jgħajjat elezzjoni f’Ottubru, ftit wara li jerġa’ jiftaħ il-Parlament.
Elezzjoni qabel deċiżjoni fuq l-Airmalta
Il-fatt li d-diskussjonijiet bejn l-Airmalta u l-Alitalia, forsi mingħajr wisq sorpriża fallew, ħalla lill-Gvern b’inqas għażliet. Kemm jekk il-Gvern jagħżel sieħeb ieħor jew jekk jagħżel li jsib investitur Malti, id-deċiżjoni xorta se tweġġa’. Huwa mistenni li numru ta’ nies jitilfu l-impjieg jew inkella li numru ta’ benefiċċji u perkaċċi li ilhom snin, jinqatgħu.
Kwalunkwe deċiżjoni f’linja tal-ajru batuta li minkejja t-titjib għadha qed issibha diffiċli tikkompeti, se tweġġa’ l-prospetti elettorali tal-PL u se tirrokka d-dgħajsa, bil-possibbiltajiet ta’ anke azzjonijiet industrijali qabel elezzjoni
Muscat jista’ jkun li jixtieq iħalli l-inevitabbli għal wara elezzjoni u jekk il-PL ikun ri-elett, jieħu ħsieb l-isfida ‘Airmalta’ ftit biss wara l-elezzjoni.
Forka fuq il-Panama darba għal dejjem
L-unika arma effettiva li jidher (s’issa) li għandu l-Partit Nazzjonalista hija l-kwistjoni tal-Panama. Sakemm Muscat m’għandux pjan li jneħħi lill-Ministru Konrad Mizzi qabel l-elezzjoni, jista’ jkun li fl-assenza ta’ differenza kbira li jistgħu jagħmlu tliet xhur, isejjaħ elezzjoni li politikament taqta’ ras din il-kwistjoni darba għal dejjem.
Jekk jirbaħ l-elezzjoni, il-PN u n-nies tiegħu jkunu diżillużi u l-unika arma li biha jkun ittama li jirbaħ ma tkunx effettiva biżżejjed. Probabbilment, f’każ ta’ telfa, il-PN idawwar ħarstu lejn kwistjonijiet iktar ekonomiċi u bread and butter u jiġġielded lil Muscat fuq l-art fejn sal-lum qed jeċċella.
Pjazza Tritoni għadha terrapien...
Waħda mill-kritika li saret fil-konfront tal-Gvern huwa li ma sarux biżżejjed proġetti. Bħalissa hemm sforz biex jitlestew ċerti proġetti, primarjament il-Proġett tal-Pjazza Tritoni li se jagħti dehra mistħoqqa lil żona tant importanti f’pajjiżna iżda li għal tant snin tħalliet f’abbandun u fi stat tal-biki. Dan il-proġett li jinkorpora, il-pjazza, il-funtana nnifisha (li nsejna kif tidher bl-ilma) u ġnien taħt is-swar, jinsab direttament fl-għajn pubblika, b’eluf kbar ta’ nies għaddejjin mill-post kuljum.
Dan apparti li għandek il-proġett tal-Kappara, wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali ta’ dan il-Gvern, li għandu jkun lest ukoll sal-aħħar tal-2017 u li allura jaf ma jkunx lest sa elezzjoni f’Novembru.
Il-baġit fil-but jgħodd mhux fuq il-karta
Muscat jista’ jiddeċiedi li jagħmel baġit kmieni f’Ottubru. Imma dan ma jistax ikun iktar tard minn nhar it-Tnejn 2 ta’ Ottubru, biex b’hekk ikun hemm madwar ġimagħtejn li fih ikun approvat l-istess baġit. Dan iħalli lil Muscat bil-ġimgħa bejn is-16 u l-21 ta’ Ottubru li fih ikun jista’ jiddissolvi l-Parlament u jibda proċess ta’ ħames ġimgħat li twassal għal elezzjoni tard f’Novembru, jew fil-25 tax-xahar.
Imma dan jirrendi l-baġit xi ftit jew wisq irrelevanti. L-ewwel nett, għax ikun biss meqjus bħala eżerċizzju kożmetiku qabel l-elezzjoni u t-tieni nett għax il-baġit fil-but jgħodd.
Jekk il-Gvern, fl-aħħar baġit tiegħu jerġa’ jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma biex jikkonsolida l-istess miżura li ħa fl-ewwel żewġ baġits, ikun irid jara li dak ir-roħs jibda jasal għand in-nies qabel, mhux wara l-elezzjoni. Fl-ewwel kontijiet ippubblikati għall-familji/negozji matul l-2018.
Tliet xhur inqas għall-PN biex jirkupra
Muscat jaf li tilef il-fiduċja ta’ eluf ta’ votanti. Jaf ukoll iżda li dik il-fiduċja ma ntrebħitx lura mill-PN. Jista’ jkun li l-PM iħoss li b’elezzjoni iktar kmieni, hu jkollu ċans jibni pontijiet ma’ eluf ta’ votanti diżillużi, filwaqt li jnaqqas il-perjodu li fih il-PN jkun jista’ jirkupra l-art li tilef u li għadu ma rkuprax.
Ftit skossi għan-negozju
Jekk hemm sezzjoni ta’ nies li dan il-Gvern ma jridx jurta wara li bena tant pontijiet magħha hija n-negozjanti. Jista’ jkun li Muscat jippreferi elezzjoni fl-aħħar ta’ din is-sena biex ikunu evitati skossi għall-andament tan-negozju fil-Milied.
Il-Baġit ikun wasal għand in-nies
B’elezzjoni f’Marzu, il-baġit li jkun ħabbar il-Gvern, l-aħħar wieħed għall-leġiżlatura preżenti, ikun beda jasal għand in-nies. Jekk ikun fih miżuri soċjali jew tnaqqis ta’ kontijiet, sa elezzjoni f’Marzu, il-poplu jkun diġà beda jgawdi mill-istess miżuri. Fil-fatt il-kontijiet irħas, jew il-miżuri fiskali l-votanti jibdew igawdu minnhom waqt il-kampanja elettorali, li probabbilment tibda xi mkien fin-nofs ta’ Jannar.
Jilħaq aktar Laburisti diżillużi
Tliet xhur jistgħu jkun aktar żmien li fih il-Partit Laburista u Muscat jiltaqgħu ma’ aktar persuni u votanti, li forsi tbiegħdu mill-Partit Laburista. Speċjalment, votanti tradizzjonalment Laburisti. Fl-istħarriġ tal-Maltatoday, persentaġġ ta’ Laburisti, bejn wieħed u ieħor 10%, huma diżillużi bil-partit tagħhom.
Il-kritika ta’ dawn il-Laburisti hija voċifera u palpabbli, anke fuq il-midja soċjali. Jista’ jkun li elezzjoni f’Marzu trebbaħ lil Muscat iktar żmien li fih jibni l-pontijiet meħtieġa ma’ dawn il-votanti.
Inqas sigura jekk tqum kwistjoni mill-PN
Jekk ġimgħa hija twila fil-politika, tliet xhur hija eternità. Ma tafx x’jista’ jinqala. F’Jannar 2015, il-Gvern kien qed jimbotta l-miżuri tal-baġit, ġranet wara li qamet il-kwistjoni ‘Panama’ u l-Gvern spiċċa f’nofs kobba mħabbla waħda sew.
Jista’ jkun li ladarba Muscat jara li ċ-ċifri u l-istħarriġ qed juru tkabbir fil-popolarità tal-PL u anke tiegħu, jiddeċiedi li jmur għal elezzjoni f’Ottubru/Novembru u b’hekk jilgħabha ‘safe’. Ma jmurx xi ħadd jiżgarra u jikkrealu, bħal sajjetta fil-bnazzi, xi skandlu.
Il-fattur tal-V18
Is-sena d-dieħla minn Jannar, il-Belt Valletta se tkun il-belt kapitali Ewropea tal-kultura. Jista’ jkun (u jidher li hemm ħafna li jħossu hekk) li ma jkunx xieraq li Malta tospita avveniment daqstant importanti fi żmien li fih kulħadd ikun moħħu fil-politika u f’perjodu ta’ żmien fejn ħafna attività politika tkun fil-fatt qed isseħħ fil-Belt Valletta.
Min-naħa l-oħra, huwa riskju wkoll li avveniment li dan il-Gvern tant ħadem għalih, ma jgawdix il-frott tiegħu f’każ ta’ rebħa Nazzjonalista. Filwaqt li elezzjoni tista’ tfixkel il-V18, fil-fatt il-V18 jista’ jkun avveniment li matulu tkun ikkonfermata l-abbiltà tal-Gvern preżenti li jtella’ avvenimenti kbar u ta’ ċerta portata fil-pajjiż. Dan fid-dawl taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi nazzjonali, iċ-CHOGM/Valletta Summit u l-Presidenza Maltija tal-UE.
Xejriet ċari fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika
Jista’ jkun li fiż-żmien li ġej u iktar kemm jgħaddi ż-żmien ikun hemm żewġ xejriet partikolari. L-aħħar stħarriġ tal-Maltatoday juri li hemm ċaqliq favur il-Labour, anke fost l-iswitchers. Fil-fatt, l-ikbar ċaqliqa favur il-Labour fl-aħħar snin. Dan apparti li d-differenza bejn dawk li jafdaw lil Muscat u dawk li jafdaw lil Busuttil, baqgħet distakkata favur Muscat.
Jekk din ix-xejra tissaħħaħ fil-ġimgħat u xhur li ġejjin, Muscat jista’ jkollu żewġ għażliet. Jew li jagħmel elezzjoni din is-sena biex jassigura dak l-appoġġ, jew inkella li jieħu r-riskju li jittardja bi tliet xhur sa Marzu u jipprova jassigura rebħa akbar.
Muscat jaf li jekk jirnexxilu jkabbar id-distakk biżżejjed biex imqar ikun viċin biżżejjed tad-distakk fl-2013 (kull ċifra lil hinn mill-25,000) ikun ta daqqa politika mortali lil Simon Busuttil u gambetta ikbar minn dik tal-2013 lill-Partit Nazzjonalista. Din tista’ tkun kunsiderazzjoni biex l-elezzjoni ssir f’Marzu.