filmat | 'Jien se nagħti protezzjoni lil min jikxef dettalji dwar Egrant'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob lill-pubbliku biex jitkellem jekk jaf xi ħaġa dwar Egrant...jgħid illi f'Kastilja hemm il-kriminali 

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dawwar l-attenzjoni dwar Egrant fuq il-pubbliku u qed jitlob lill-pubbliku biex min għandu informazzjoni dwar il-kumpanija Egrant jikxifha. 

F'appell mhux mistenni u sorprendenti, Busuttil appella biex "kull min għandu informazzjoni dwar ta' min hija l-kumpanija Egrant jew informazzjoni dwar tranżazzjonijiet li saru," minn dik li sejħilha, "xibka ta' kriminalità f'Kastilja, jiġi l-quddiem u jikxifha." Hu ħeġġeġ lil kull min jista' jkun whistleblower fil-każ biex jiġi 'l quddiem u jagħti informazzjoni, "biex issir ġustizzja." 

Egrant hija it-tielet kumpanija li nftetħet fil-Panama u li kienet mwaqqfa mill-kumpanija NexiaBT, flimkien mal-kumpanija Hearnville u Tillgate, ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament. 

Busuttil qal li ma jemminx lill-PM meta dan qal ilbieraħ li l-kumpanija mhux tiegħu. Ilbieraħ waqt il-Konferenza Ġenerali il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ċaħad illi hu jew xi ħadd mill-familja tiegħu għandhom xi kumpanija barra minn pajjiżna jew f'pajjiżna li mhix iddikjarata. 

Muscat ma jistax jitwemmen. Brian Tonna jaħdem fl-istess uffiċċju tiegħu, kellu sena sħiħa biex jistaqsih," sostna Busuttil.

'L-istorja ta' Egrant hija bbażata fuq gidba'

Video is unavailable at this time.

Intant f’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona u l-Ministru Owen Bonnici appellaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista biex jieqfu jigdbu u jivvintaw u appellaw lil Simon Busuttil biex jitkellem fuq storja mhux fabrikata ta’ invoices li huma fabrikati.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona sostna li wara diversi xhur jallega u jinsinwa dwar min huma s-sidien ta’ Egrant, issa qed jagħmel appell għall-informazzjoni. "L-istorja ta’ Egrant hija waħda ffabbrikata bbażata fuq il-gideb, gideb ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li huwa falz,", tenna Chris Cardona.

Il-Ministru tal-Ekonomija elenka kif Simon Busuttil ma talabx informazzjoni fuq l-iskandlu tal-invoices tad-DB għax dik l-informazzjoni qegħdha għandu u qed jigdeb biex jipprova jgħatti xturu.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Owen Bonnici qal li jekk hemm storja li mhux fabbrikata hi dik relatata mal-invoices tad-DB Group, storja li tikkuntrasta mal-istorja fabbrikata li Simon Busuttil qiegħed jibni fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu. Il-fatt li wara tant insinwazzjonijiet dwar is-sidien tal-kumpanija Egrant, issa Simon Busuttil qiegħed jitlob għall-informazzjoni jikkonferma kemm Simon Busuttil kien qiegħed biss iħammeġ u jgħid il-gideb; xhieda ta’ politiku falz, qal Dr Bonnici. 

 

 

More in Politika