"Egrant Inc – li kif diġa stqarrejt pubblikament huja shelf company li jiena kont is-sid tagħha kemm damet teżisti, qatt ma kellha kont tal-bank, la fid-Dubaj u lanqas imkien ieħor." Hekk sostna Brian Tonna il-Managing Partner ta' Nexia BT Brian Tonna, ftit wara blog ieħor ta' Daphne Caruana Galizia illi fih qed tallega li miljuni ta' flus għaddew għand il-kumpanija Egrant minn kumpanija Ażera Al Sahra FZCO f'Dubai.
Tonna, fakkar illi l-kumpanija ġiet illikwidata. "Egant qatt ma rċeviet ħlas mingħand Al Sahra FZCO, kemm jekk bħala self jew mod ieħor u kif għidt diġa pubblikament Egrant qatt ma' kienet għamlet negozju jew fetħet kontijiet bankarji u qatt ma rċeviet jew għamlet pagamenti."
Din hija t-tielet darba li Tonna qed jgħid li din il-kumpanija hija tiegħu u li hija shelf company. Jekk dak li qed tallega Caruana Galizia huwa minnu jkun ifisser li fil-fatt Egrant kienet kumpanija attiva.