Busuttil jgħid li l-inkjesta Maġisterjali se tkun għalxejn għax il-'provi tneħħew'
...jgħid li l-PM għandu jitlaq 'issa'
More in Politika
...jgħid li l-PM għandu jitlaq 'issa'
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil akkuża lill-Prim Ministru b'cover up u qal li Joseph Muscat triq waħda għandu, jiġifieri li jirreżenja. "Itlaq issa.. għada niltaqgħu biex il-poplu wkoll jgħidlu itlaq issa," sostna Busuttil, li qal li ladarba Muscat qed ikun investigat m'għandux jibqa' fil-kariga ta' Prim Ministru għax dan qed joħloq kunflitt ta' interess.
Busuttil, bħal Daphne Caruana Galizia qablu, sostna li l-inkjesta Maġisterjali mhi ta' ebda effett partikolari ġaladarba l-provi, skont Busuttil, ġew imneħħija minn Pilatus Bank fil-lejl ta' bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Matul dak il-lejl il-media tal-Partit Nazzjonalista ħadet filmati ta' nies ħerġin mill-istess Pilatus Bank, b'żewġ bagalji. Għalkemm m'hemmx provi ta' x'kien hemm f'dawn il-bagalji, Busuttil qed jisħaq li fihom kien hemm il-provi li ssemmew minn Caruana Galizia li juru li sid Egrant hija Michelle Muscat.
Busuttil, qal li f'inqas minn 24 siegħa il-Prim Ministru "inqabad f'ħames gidbiet" f'dak li qed issejjaħlu "l-akbar cover up..cover up kolossali." Huwa sostna li Muscat gideb meta qal li l-indirizz ta' Egrant huwa f'Malta, meta l-kumpanija rreġistrata fil-Panama. Busuttil fakkar li l-indirizz ta' San Ġwann huwa l-istess indirizz li għandhom il-kumpaniji Tillgate u Hearnville, ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri rispettivament. Huwa sostna wkoll li jekk kien hemm żball fil-karta tal-identità ta' Michelle Muscat, dan huwa żball f'dak l-istess dokument ta' Muscat u mhux f'dak li kien ippubblikat mill-blogger.
Huwa sostna wkoll illi mhu vera xejn li l-kumpanija Egrant hija ta' Brian Tonna biss, hekk kif fakkar li hemm żewġ shareholders oħrajn irreġistrati.
Meta mistoqsi biex jikkumenta dwar il-fatt li Caruana Galizia rrifjutat li tidher quddiem l-istess inkjesta Maġisterjali u jekk din tistax titressaq b'arrest biex tidher, Busuttil bagħat lill-ġurnalist għand avukat.
Intant għada fil-protesta li se tkun organizzata mill-PN, se jkun hemm preżenti l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), u l-kunsillier tal-Alternattiva Demokratika, Michael Briguglio li se jkun qed jindirizza lin-nies.