Muscat: 'Quddiem Alla u quddiemkom naħlef li nkompli ngħid il-verità'

  • Il-PM jirringrazzja lil dawk kollha li qed juruh solidarjetà quddiem 'il-gideb ta' min huwa ddisprat'
  • Minn għada jitwaqqaf l-użu tal-Heavy Fuel Oil u l-Power Station se titħaddem kollha bil-gass 
  • Muscat jiżvela illi din il-ġimgħa se jkun qed iħabbar investiment ġdid għall-pajjiż

Il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt il-Konferenza Ġenerali tal-PL
Il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt il-Konferenza Ġenerali tal-PL

F'diskors mill-aktar kommoventi il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburita rringrazzja lil dawk kollha li qed juru l-appoġġ lilu, nkluż Laburisti, nies li qatt ma vvutaw lill-PL u saħansitra nies fil-Partit Laburista. "Qatt daqs dawn il-jiem ma ressqu nies lejn dan il-Moviment, qatt daqs dawn il-jiem ma ġew Laburisti li kienu mweġħħin għax forsi ma kienux se jivvutaw...se nkunu aktar b'saħħitna aktar minn qatt qabel."

Muscat qal li inqabżet linja biex xi ħadd jipprova jakkwista, "linja fejn il-familja tista' tiġi attakkati għal fini tal-poter, ħaddieħor m'għadux qed iġib ruħu bħala politiku, maħkum minn wisq biża' mill-futur politiku tiegħu," sostna Muscat.

M'għandix minn xhiex nibża għax qed ngħid il-verità. Morna l-Qorti nixhdu...min jgħid il-verità jitla' jixhed. Min għandu l-faħam miblul ma jitlax jixhed Joseph Muscat

Huwa fakkar kif Simon Busuttil qed jibni allegazzjonijiet fuq gidba oxxena bla bażi. "Jien Joseph Muscat m'għandi xejn minn xhiex nibża'" qal lil sala mimlija delegati u attivisti, "u m'għandix minn xhiex nibża għax qed ngħid il-verità. Morna l-Qorti nixhdu...min jgħid il-verità jitla jixhed. Min għandu l-faħam miblul ma jitlax jixhed," sostna Muscat b'referenza għall-fatt li l-blogger Daphne Caruana Galizia ma tridx titla' tixhed il-Qorti. 

"Qegħdin fuq in-naħa tal-verità...quddiem Alla u quddiemkom naħlef li nkompli ngħid il-verità u aktar kemm jagħmlulna aktar se jsaħħuna." Muscat appella imma għall-kalma u biex ħadd ma jwieġeb għal xi forma ta' provokazzjoni.

Intant il-PM fakkar ukoll illi dan il-Gvern kiseb suċessi ekonomiċi, li qed jinħass mill-familji, "il-Maltin u l-Għawdxin jafu li l-pajjiż miexi fir-triq it-tajba, iktar nies qed jgħixu aħjar...raħħasna l-kontijiet tad-dawl lill-familji u n-negozji, naqqasna t-taxxa lil kull persuna f'pajjiżna, neħħejna it-taxxa fuq l-ewwel €13,000 f'pensjoni, żidna l-pensjonijiet għall-ewwel darba f'25 sena u poġġejna l-finanzi ta' pajjiżna fuq sisien sodi." 

Jekk ħaddieħor ħalla d-dejn, aħna se nħallu l-ġid u l-prosperità Joseph Muscat

Muscat ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jħabbar investiment kbir ieħor li se jżid mijiet ta' impjiegi ġodda, filwaqt li fakkar illi Gvern Laburista ħassar id-dejn kollu li nġema matul is-snin. "Jekk ħaddieħor ħalla d-dejn, aħna se nħallu l-ġid u l-prosperità," sostna Muscat għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti. 

Muscat fakkar illi dan il-Gvern naqqas il-faqar, hekk kif jirriżulta mill-aħħar ċifri, juen hawn l-akbar żieda fil-qasam tax-xogħol u l-inqas rata ta' qgħad. "Imma 19,000 persuna li għadhom fil-faqar għadhom ħafna. Nwiegħdkom li kif naqqasna l-faqar, fis-snin li ġejjin se nkunu qed inħassru l-faqar għal kollox."

Muscat fakkar kif din il-ġimgħa l-Gvern laħaq ftehim kollettiv għal 30,000 persuna li taħdem fis-servizz pubbliku, b'żidiet fl-allowance, titjib fix-shift allowance u titjib f'kundizzjonijiet.

għada se ngħalqu l-fabbrika tal-kanċer, u wara nibdew nżarmaw iċ-ċuminija tal-power station. Joseph Muscat

Intant Muscat ħabbar li minn għada se jieqaf jintuża l-Heavy Fuel Oil fit-tħaddim tal-Power Station, "għada se ngħalqu l-fabbriika tal-kanċer," sostna l-PM li qal ukoll illi minn għada l-Power Station se tibda titħaddem bil-gass, "u wara nibdew nżarmaw iċ-ċuminija tal-power station."

'L-avverarji Politiċi se jipprovaw itellfuna s-serenità u l-kalma, imma mhux se jirnexxielhom. Mhux se nkunu kattivi, imma se nkunu sodi, għax in-nies se jafdaw lil min għandu ħafna poter u ma jużahx mhux lil mingħandu ftit u jabbuża minnu."

Muscat wiegħed aktar stabilità, ta' moviment politiku li jaħdem ma' kulħadd, "magħna taf li għandna d-difetti imma qalbna tħabbat fil-post it-tajjeb," saħaq Muscat. "Il-poplu ma jridx koalizzjoni tat-taħwid, il-familji jridu min jieħu deċiżjonijiet u l-unika koalizzjoni li rridu aħna huwa mal-poplu Malti u Għawdxi."

 

 

 

More in Politika