Xi ħadd se jirbaħ. Xi ħadd se jitlef.
Jew Muscat u l-Labour jew Daphne u l-PN se jegħrqu...imma min?
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ġimgħa li għaddiet, faqqgħet tempesta politika oħra. Jekk l-allegazzjonijiet fuq Chris Cardona dwar allegata preżenza tiegħu f’burdell qajjem urugan politiku, l-allegazzjonijiet li ħarġu din il-ġimgħa dwar il-kumpanija Egrant ħolqu terremot li heżżeż lill-klassi politika mill-pedamenti.
Għal ġimgħa sħiħa, id-diskussjoni daret ma’ kelma waħda: ‘Egrant’. Ilha se tfaqqa’ u sa fl-aħħar faqqgħet, b’Daphne Caruana Galizia tallega li din il-kumpanija sigrieta fil-Panama hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Fi blogg li tellgħet nhar il-Ħamis li għadda, Caruana Galizia, li għal ġimgħa sħiħa bniet aspettativa għal din l-allegazzjoni, sostniet li fil-kċina tal-uffiċini tal-Bank Pilatus f’Ta' Xbiex hemm ‘safe’ li skonta, fih hemm numru ta’ files li jinżammu “b’segretezza estrema.” Fl-istess blogg, Caruana Galizia qalet li dawn id-dokumenti juru li Michelle Muscat għandha ishma fl-istess kumpanija.
Caruana Galizia allegat ukoll li ammonti kbar ta’ flus kienu trasferiti bħala ħlas ta’ self lill-kumpaniji Hearnville, Tillgate u Egrant.
Dan kollu qajjem baraxx qawwi ta’mistoqsijiet u argumenti fil-midja soċjali. L-ewwel u qabel kollox, qam il-punt tal-provi. Minkejja li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ mart il-Prim Ministru huma mill-aktar gravi, sal-ħin li kienet qed tinkiteb din l-analiżi kienu għadhom ma ħarġu ebda provi ċari ta’ dawn l-allegazzjonijiet.
Il-files ma rahom ħadd, ħadd ma ra isem Michelle Muscat b’rabta mal-kumpanija Egrant Inc. Provi ċari u konklussivi li Egrant fil-fatt hija ta’ Michelle Muscat jew inkella li din għandha ishma f’din il-kumpanija jibqgħu biss allegazzjonijiet minn blogger, liema allegazzjonijiet kienu ripetuti mill-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar jiem, mingħajr waqfien.
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ċaħad għal darba, tnejn, tlieta li l-kumpanija Egrant hija tiegħu, ta’ martu jew ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu. Dan għamlu għall-ewwel darba waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista u mbagħad minn tal-anqas f’żewġ okkażjonijiet oħra.
Għalhekk, s’issa, qed inħarsu lejn xenarju politiku fejn persuna qed tagħmel allegazzjonijiet mill-aktar serji, filwaqt li l-persuna inġurjata qed tiċħad. Dan iħalli lil kulħadd jemmen dak li jrid, probabbilment skont l-isfond politiku tal-persuna u skont kemm il-persuna tħoss li Caruana Galizia jew Muscat huma kredibbli f’għajnejhom.
Hi x’inhi, din hija l-akbar battalja bejn il-Mexxej tal-Partit Laburista u l-akbar għadu politiku, n-nemesi, tal-istess partit. Din għandha tkun show down spettakolari bejn partit li rebaħ l-aħħar elezzjoni b’marġini storiċi u l-persuna li llum ħadet irwol mill-aktar ċentrali fit-tixrid tal-messaġġ u fl-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista.
Jidher ċar, li Muscat se jiġġieled din il-kwistjoni b’ruħu u ġismu u mhu se jħalli l-ebda ġebla f’postha sakemm ismu jkun imnaddaf mill-allegazzjonijiet li hu flimkien ma’ martu kellhom kumpanija sigrieta fil-Panama u li għall-aħħar sena kienu qed jigdbu dwarha. Il-ġesti u l-movimenti ta’ Muscat qed juru biċ-ċar li minkejja kull messaġġ ta’ għaqda u diċenza, Muscat se jibbattalja sal-aħħar.
Naturalment, Caruana Galizia ma tantx se toqgħod lura u se tibqa’ żżomm mal-allegazzjonijiet tagħha fil-konfront ta’ Muscat.
Din hija kwistjoni ta’ ħajja jew mewt, kemm għall-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll għal Caruana Galizia. Jekk provi jibqgħu ma joħorġux, Caruana Galizia taqla’ daqqa kbira fil-kredibbiltà tagħha, għax tkun dehret li ppubblikat storja b’allegazzjonijiet gravissimi mingħajr ma setgħet tipprova b’mod ċar l-istess allegazzjoni. U magħha jaqla' l-għadsa finali l-PN U Simon Busuttil.
Min-naħa l-oħra, jekk Caruana Galizia fil-fatt tippubblika provi ċari u inekwivoki li saru tranżazzjonijiet lejn il-kumpanija Egrant u li fil-fatt din hija ta’ mart Joseph Muscat, Michelle, Muscat ikollu l-futur politiku tiegħu ssiġġillat. Naturalment, issiġillat fis-sens negattiv. Il-probabbiltà hija li ffaċċjat b’fatti ċari Muscat ma jkollu ebda għażla oħra ħlief li jirreżenja kemm minn Prim Ministru u anke minn Mexxej Laburista.
Din il-gazzetta tat ħarsa lejn ix-xenarji possibbli li jistgħu jinħolqu minn issa ’l quddiem dwar kwistjoni li taf tkun deċiżiva għar-riżultat tal-elezzjoni li jmiss.
Il-ġimgħa ta’ Egrant – Ħames xenarji għall-ġimġhat li ġejjin
Tajjeb jew ħażin, l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia se jiddeterminaw ix-xenarju politiku lokali fl-immedjat. Naturalment, il-fatt li s’issa għad m’hemm xejn iktar minn allegazzjonijiet ifisser li s-sitwazzjoni hija waħda fluwida ħafna u wieħed jista’ jikkunsidra diversi xenarji possibbli li jistgħu jseħħu minn issa sal-elezzjoni.
Issa li nfetħu beraħ il-bibien tal-battalja elettorali, kull kelma, kull mossa, kull biċċa informazzjoni u kull stqarrija pubblika se jkollha effett fuq l-opinjoni pubblika kif ukoll fuq ir-riżultat finali f’elezzjoni ġenerali.
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn ħames xenarji politiċi differenti u l-effett politiku ta’ kull waħda minn dawn fuq il-PN, il-PL u l-individwi li b’xi mod jew ieħor huma marbutin ma’ din il-kwistjoni kollha.
Daphne toħroġ provi ċari li Egrant ta’ Michelle
L-ewwel xenarju huwa dak li fih, il-blogger Daphne Caruana Galizia tippubblika provi li ma jħallu ebda dubju li l-allegazzjonijiet tagħha dwar Egrant huma veri. Jekk Caruana Galizia, tippubblika provi ċari, inekwivoki u li ma jħallu ebda dubju li a) Michelle Muscat għandha ishma jew hija is-sid tal-kumpanija Egrant u b) li fil-fatt għaddew flus permezz ta’ tranżazzjonijiet mill-kumpanija Egrant, il-Partit Laburista jaqla’ daqqa politika kbira.
Bi provi ċari u provi ċari biss, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jiġi muri bħala politiku li ma jgħidx il-verità. Din, jiġifieri l-gidba, tista’ tkun aktar ta’ ħsara politikament milli fil-fatt tkun l-allegazzjoni, jekk pruvata, li mart il-PM għandha kumpanija fil-Panama. Din tkun daqqa politika kbira għal Muscat, l-aktar fost il-floating voters u votanti li mhumiex marbutin ma’ partit.
Provi ċari li ma jħallu ebda dubju, mhux konġetturi, jistgħu jitfgħu r-rebħa li tant nies kienu jaħsbu li se tkun tal-Partit Laburista f’periklu mill-aktar serju.
Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku, il-Partit Nazzjonalista jkun għamel kisba politika kbira, fis-sens li jkun irnexxielu jipperikola serjament il-maġġoranza li kiseb il-PL fl-2013. Naturalment, l-akbar rebbieħa f’dan ix-xenarju tkun Daphne Caruana Galizia, għax il-provi jagħtuha spinta qawwija u jsaħħulha jdejha b’mod inkredibbli fil-PN.
Ma joħorġux provi li Egrant hija ta’ Michelle
It-tieni xenarju huwa dak li fih kollox jibqa’ kif inhu u ma jkunux imressqa provi ċari u inekwivoki li juru li l-kumpanija Egrant hija ta’ Micelle Muscat. F’dan ix-xenarju, il-kwistjoni ttul u tiġġebbed u kulħadd jibqa’ jgħid li dak li qed jgħid illum. Jiġifieri n-Nazzjonalisti u l-PN jibqgħu jirrepetu kull kelma ta’ kull blogg li ttella’ Caruana Galizia, filwaqt li l-Laburisti jibqgħu qaqoċċa wara Muscat.
Dan ix-xenarju jibbenifika aktar lill-Partit Laburista, għax dan ikun jista’ jgħid li l-istorja kienet kollha kemm hi gidba, kif fil-fatt diġà qal Muscat li ddeskriva l-allegazzjoni bħala “l-akbar gidba fl-istorja politika lokali.” Joseph u Michelle ikunu jistgħu jgħidu li dan kien attakk fuqhom u fuq uliedhom. Dan jista’ jressaq lura lejn il-PL persentaġġ minn dawk il-Laburisti li s’issa qed jgħidu li mhux se jivvutaw.
L-akbar tellief f’dan ix-xenarju jkun il-Partit Nazzjonalista li jkun rabat il-karru politiku tiegħu u milli qed jidher issa, anke l-fortuni elettorali tiegħu, ma’ allegazzjoni mhux sostanzjata.
Caruana Galizia la tirbaħ imma lanqas titlef f’dan ix-xenarju għax tibqa’ ssostni li l-istorja tagħha hija minnha. Dan tista’ tagħmlu fil-konoxxenza li għandha bażi ta’ qarrejja leali lejn is-sit tagħha u li bbażat fuq il-fatt li kienet hi li żvelat il-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad Mizzi, dawn se jemmnuha, provi jew le.
Jinstemgħu l-libelli u titlef Daphne
Il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-PM Joseph Muscat fetħu numru ta’ libelli kontra Caruana Galizia. Dawn il-libelli kienu jvarjaw, bl-aħħar wieħed isir mill-PM u martu wara li l-blogger allegat li Michelle Muscat għandha ishma fil-kumpanija Egrant.
Fil-każijiet kollha, min fetaħ il-libelli talab biex dawn jinstemgħu b’urġenza. Jekk fil-Qorti Caruana Galizia ma tkunx tista’ tforni provi biżżejjed u li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet, tista’ titlef dawn il-libelli.
Jekk Caruana Galizia titlef il-libelli, speċjalment dak li fetaħ kontriha l-PM u martu, din tkun rebħa morali kbira għall-PL u għal Muscat. Fil-fatt, dan huwa l-aħjar xenarju għal Muscat u għall-Gvern Laburista.
Min-naħa l-oħra, dan ix-xenarju huwa l-agħar wieħed u l-uniku wieħed negattiv għal Caruana Galizia, għax tkun tilfet is-saħħa tal-argument quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Issir elezzjoni f’Ġunju/Lulju
L-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia komplew jgħollu t-temperatura politika, li kienet diġà għolja qabel. Jista’ jkun li bit-temperatura daqstant għolja, bil-PN prattikament għaddej b’kampanja elettorali diġà u bl-għajdut ta’ elezzjoni wara l-bieb, Muscat jiddeċiedi li jmur għal elezzjoni ġenerali f’Ġunju/Lulju.
B’hekk, din il-kwistjoni jkun qatalha saqajha, darba għal dejjem. Fis-sens li jittama li jekk il-maġġoranza tal-poplu terġa’ tivvota lill-Partit Laburista, il-kwistjoni ‘Panama’ li ilha titqajjem mill-PN b’mod kontinwu għal din l-aħħar sena, titmewwet.
Jista’ jkun ukoll li Muscat jirrealizza li minkejja li jkun qala’ daqqa ta’ ponn mill-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia, dawn fil-fatt saħħew l-għeruq tal-partit daqs qatt qabel u allura ż-żmien ikun propizju għal elezzjoni.
Naturalment, diffiċli tgħid min jista’ jgawdi f’dan ix-xenarju
Jittardja l-elezzjoni għas-sena d-dieħla
Jista’ jkun li Muscat iħoss li provi jew le, ċertu ammont ta’ ħsara elettorali se tkun saret lill-PL u lill-Gvern Laburista bl-allegazzjonijiet ta’ din il-ġimgħa. Għalhekk, jista’ jkun li Muscat iħalli aktar żmien u jittardja l-elezzjoni u jagħmilha fi żmienha, jiġifieri f’Marzu.
Naturalment, dan kollu jiddependi fuq kif ikunu qed jidhru n-numri u l-figuri għall-Partit Laburista.
Minkejja li dan ix-xenarju jibqa’ wieħed possibbli, jidher li ċ-ċans li jseħħ huwa remot.