Ara ġej...ġej il-ġudizzju għalik!
Sebat ijiem u 170 siegħa wara, il-poplu għadu qed jistenna...u l-giljottina għad trid tinżel fuq ras xi ħadd
More in Politika
Sebat ijiem u 170 siegħa wara, il-poplu għadu qed jistenna...u l-giljottina għad trid tinżel fuq ras xi ħadd
Sebat ijiem ilu il-pajjiż ‘xegħel’ wara allegazzjoni ċara. U nduru kemm induru, u nagħmlu kemm nagħmlu konferenzi, l-allegazzjoni li għaliha l-pajjiż inżamm f’aspettattiva għal ġimgħa, xegħel f’diskussjoni għal ġimgħa u l-PN niżżel in-nies fit-toroq, kienet waħda. Waħda ċara u tonda. It-tielet kumpanija fil-Panama hija ta’ Michelle Muscat.
S’hemm diġà gravi. Iktar gravi minn hekk kienet it-tieni allegazzjoni. Jiġifieri li saħansitra għaddew aktar minn $1 miljun mill-Ażerbajġan għall-kumpanija Egrant, li tagħha, is-sid, skont l-allegazzjoni ċara, kienet Michelle.
Fi ftit kliem, meta tagħsar l-allegazzjoni, Michelle Muscat qed tiġi akkużata jew implikata li hija 1) Giddieba – għax għamlet sena flimkien ma’ żewġha tiċħad li għandha xi kont Malta jew il-Panama li mhumiex dikjarati 2) Korrotta - għax irċeviet flus f’ammonti enormi minn sors dubjuż għal għanijiet li jistgħu jkunu dubjużi wkoll, 3) Parti minn xibka ta’ kriminali – Għax tista' tkun parti minn allegat proċess ta’ ħasil ta’ flus, tant li l-ewwel ritratt li tellgħet il-media tal-PN kienet Michelle ma’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Sai Mizzi, maqfulin wara bieb tal-ħabs.
Il-konsegwenzi ta’ din l-allegazzjoni mill-aktar gravi huma tnejn 1) – Joseph Muscat jirreżenja u sussegwentement 2) Jibda proċess legali u ġudizzjarju kontra Michelle Muscat u l-PM Joseph Muscat.
Għal din l-allegazzjoni gravissima, il-Partit Nazzjonalista niżel fit-toroq u niżżel lin-nies fit-toroq. Allega li d-dokumenti telqu fil-bagalja, qal li l-inkjesta Maġisterjali hija fażulla, u talab lil Muscat jirreżenja.
Mhux talli mhux aċċettabbli, talli huwa moralment kriminali li akkuża bħal din, allegazzjonijiet daqstant serji, mhux talli ma tiġix sostnuta bi provi ċari, talli għaddew 170 siegħa u issa donnu min rikeb fuqha qed ifarfar. Min rikeb fuqha qisu qed iżomm 'il bogħod.
Anke jekk l-allegazzjonijiet fuq Keith Schembri huma serji ħafna wkoll, l-allegazzjoni indubitata u ċentrali tibqa’ din fuq Michelle Muscat.
Jekk Michelle hija ħatja, mela jgħoddu t-tliet akkużi ta’ giddieba, korrotta u parti minn xibka kriminali. Jekk mhux ħatja u l-Qorti ma tkun tista’ tipprova xejn, la li kienet sid u lanqas (mqar) tranżazzjoni ta’ $1 miljun lejn din il-kumpanija (Egrant)..apparti li jkun pruvat li ma ntmessu ebda karti/evidenza mill-bank Pilatus...mela nistgħu nikkonkludu biss li għandna l-aktar Oppożizzjoni moralment korrotta, maħmuġa u qarrieqa li kellu l-pajjiż fl-aħħar 60 sena.
M’hemmx fejn iddur u taħrab: The shit has hit fan and somebody’s gonna get very dirty