Ixolji t-Tlieta
- Il-Prim Ministru mistenni jxolji l-Parlament nhar it-Tlieta
- Il-Labour tilef l-appoġġ imma għadu fil-vantaġġ
- Il-kampanja ta’ Muscat se tkun ibbażata fuq il-kisbiet ekonomiċi
minn Albert Gauci Cunningham
L-ILLUM tinsab infurmata li nhar it-Tlieta li ġej, il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jxolji l-Parlament u minn hemmhekk jiskatta l-proċess kollu li jwassal għal elezzjoni ġenerali f’Ġunju. Il-kampanja elettorali, skont ix-xewqat tal-Prim Ministru nnifsu, mistennija tkun waħda qasira li ma taqbiżx b’ħafna l-perjodu minimu rikjest bil-liġi ta’ kampanja elettorali.
Dan ifisser li l-aktar jiem probabbli li fihom issir l-elezzjoni ġenerali se jkunu t-3, l-10 jew 17 ta’ Ġunju.
Kienet l-ILLUM li nhar il-Ħadd li għadda żvelat kif il-possibilità ta’ kampanja elettorali kienet imminenti, bil-Partit Laburista jipprepara lill-kandidati tiegħu, u bis-sondaġġi interni tal-istess partit juru li qabel l-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia, id-distakk bejn il-partiti kien ta’ bejn 25,000 u 28,000 vot.
Jidher li dan id-distakk issa naqas, kif kien mistenni, għal xi mkien bejn 17,000 u 20,000 vot favur il-Partit Laburista. Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li l-fatt li l-PL għad għandu maġġoranza komda, anke jekk imnaqqsa, kienet ir-raġuni ewlenija li wasslet biex il-PM Joseph Muscat jieħu d-deċiżjoni li jsejjaħ elezzjoni ġenerali issa.
Muscat se jiġġieled l-elezzjoni fuq l-ekonomija, x-xogħol u l-ħolqien tal-ġid
Minħabba li Muscat mistenni jibni l-kampanja elettorali tiegħu fuq il-kisbiet ekonomiċi ta’ pajjiżna, speċjalment fil-qasam tax-xogħol u l-finanzi, f’dawn l-aħħar erba’ snin, Muscat iddeċieda li jsejjaħ elezzjoni issa biex ma jħallix l-inċertezza ta’ bħalissa ttul.
Fil-fatt, persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta, fosthom nutara u oħrajn mis-settur tal-proprjetà, wieħed mill-muturi ewlenin tas-suċċess ekonomiku fl-aħħar snin, qalu li bħalissa ‘n-negozju qed jiġġammja’ b’pajjiż li jinsab f’aspettativa, b’polarizzazzjoni qawwija.
Mhu se nħalli lil ħadd jiġġammja l-ekonomija Joseph Muscat
Jidher li meta l-PM Muscat, iktar kmieni din il-ġimgħa sostna li, “mhu se nħalli lil ħadd jiġġammja l-ekonomija,” kien qed jagħti indikazzjoni ċara li se jħabbar l-elezzjoni.
Internament fil-PL, mhux kulħadd jaqbel ma’ din id-deċiżjoni hekk kif hemm min iħoss li l-Gvern kien imissu preżenta l-aħħar baġit tiegħu qabel sejjaħ l-elezzjoni ġenerali. Din l-għajta, hija simili wkoll għal tal-1998 meta dakinhar, il-PM Alfred Sant kien iddeċieda li jmur għal elezzjoni, hekk kif kien spiċċa jitlef il-maġġoranza parlamentari tiegħu sforz ir-ribelljoni interna mill-eks-PM Dom Mintoff.
Dakinhar, kien hemm bosta fil-PL li pprotestaw kontra elezzjoni bikrija, fosthom George Abela u anke l-eks Ministru Alex Sciberras Trigona li kien tal-opinjoni li l-Gvern kellu jressaq baġit qabel imur għall-elezzjoni.
Iżda l-PM, x’għandu x’jitlef? U x’għandu x’jirbaħ mid-deċiżjoni ta’ elezzjoni kmieni? Aktar tard illum fuq dan is-sit tittella' analiżi dwar dan...