Veritas Omnia Vincit – Il-Verità tirbaħ fuq kollox

Se tkun triq twila u milli jidher agonjuża dik li se twassal għal elezzjoni fix-xhur li ġejjin. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li ħareġ s’issa u min qed jitlef u jirbaħ l-argument f’labrint li l-poplu jinsab fih jistaqsi mistoqsija waħda: Min qed jgħid il-verità?

Il-mistoqsija tibqa’ waħda u importanti. Mistoqsija li qed jistaqsi kulħadd bħalissa. Mistoqsija li jista’ jkun li tiddetermina r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li jmiss fi ftit xhur, jew saħansitra ġimgħat, oħrajn. Min qed jgħid il-verità? Jew inkella Min qed jigdeb?

Minkejja li ma nistgħux inwieġbu din il-mistoqsija fiċ-ċert, se naqbdu numru ta’ fatti, mistoqsijiet u ċirkostanzi li jirrigwardaw dan il-każ s’issa. Dan xorta mhux se jkun qed jagħti risposta definita dwar min qed jgħid il-verità jew min qed jigdeb, imma jista’ jagħti ħjiel ta’ fejn u liema direzzjoni jista’ jkun li jmorru l-affarijiet.

 

Il-famuża bagalja, x’kien fiha?

Parti minn dan l-epidosju sħiħ li għorok ħafna għajnejn u li ta kredenza immedjata lill-istorja ta’ Daphne Caruana Galizia, kienet ix-xena taċ-Chairman tal-Bank Pilatus ħiereġ mill-istess binja b’żewġ bagalji f’idejh. Issa jekk qatt kien hawn żewġ bagalji li saru popolari, kienu dawn.

L-allegazzjoni, kemm tal-blogger imma anke tal-Kap tal-PN Simon Busuttil kienu li f’dawn il-bagalji kien hemm dokumenti li juru li Michelle Muscat hija sid it-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant Inc.

Apparti li Busuttil għamel aċċenn kontinwu u għamel tiegħu din l-allegazzjoni, iddikjara li l-inkjesta minn Maġistrat inkwirenti hija ‘fażulla’ u ‘farsa’ għax il-provi sparixxew mill-bank fil-bagalja. S’hemm kollox sew.

Imma Caruana Galizia kienet irrapportata tgħid fuq il-gazzetta The Sunday Times tal-Ħadd li għadda, li fil-fatt għandha d-dokumenti li juru li Egrant hija ta’ Muscat. Allura jekk Caruana Galizia għandha d-dokumenti, mela fil-bagalja x’kien hemm? Allura kif qed jingħad li l-katavru metaforiku tneħħa mix-xena tad-delitt, meta fil-fatt għadu hemm, għax il-provi dokumentati qegħdin għand min għamel l-allegazzjoni?

Biex tgħaxxaq, din il-ġimgħa kellna l-colpo di scena tal-famuż trakk bil-magni tal-ishredders biex suppost iqatta’ l-provi. Mela mhux fil-bagalja kienu l-provi? Jekk sparixxew u ħarbu, x’dokumenti kien hemm xi tqatta’?

Dan kollu ma jfissirx li s-sitwazzjoni ma kinitx suspettuża u ma qajmitx mistoqsijiet. Imma, s-saħħa tal-argument li fil-bagalja kien hemm provi li Egrant hija ta’ Michelle Muscat, iddgħajfu sew.

 

Pilatus qed jaħbu għal Michelle jew xi ħadd ieħor?

Caruana Galizia tat idea ċara li se tkun qed ‘tikxef’ ta’ min hija Egrant minn kważi ġimgħa qabel u ma’ dak l-artiklu, ħarġet ritratt implikattiv ħafna b’Michelle Muscat titkellem ma’ Leyla Aliyeva, bint il-President tal-Ażerbajġan. Dan ifisser li jekk Pilatus vera kellhom dawn il-famużi dokumenti fil-famuż safe, fil-famuża kċina, u allura kienu jkunu jafu li Caruana Galizia kienet se tikxef lilhom u lil Muscat, għalfejn stennew iktar minn erbat ijiem biex ineħħu kull forma ta’ prova? Jekk l-intenzjoni kienet li titneħħa l-evidenza, għalfejn stennew sal-lejl meta Caruana Galizia għamlet l-allegazzjonijiet biex ineħħu l-evidenza, meta kien ċar li kienet se ‘tikxef’ bank li jopera lokalment?

Il-Bank Pilatus deher li nħasad bil-possibbiltà li jkunu investigati. Kieku kienu ħatja tal-allegazzjoni dwar Muscat, kienu jkunu preparati. Forsi kien hemm isem ieħor li riedu jaħbu

Il-Bank Pilatus deher li nħasad bil-possibbiltà li jkunu investigati. Kieku kienu ħatja tal-allegazzjoni dwar Muscat, kienu jkunu preparati. Forsi kien hemm isem ieħor li riedu jaħbu, jekk huwa vera li fil-bagalja kien hemm xi karti jew dokumenti.

Il-banek, kull bank anke dawk lokali jkollhom ħafna klijenti li ma jkunux iridu jikxfu. Wara l-mewt ta’ Gaddafi kien żvelat kif ibnu Muatassim Gaddafi, kellu mad-€90 miljun fil-Bank of Valletta, allura x’nagħmlu, ngħidu li l-Bank of Valletta huwa bank dubjuż?

 

X’hemm fuq il-filmat CCTV ta’ disa’ siegħat li ressqu ta’ Pilatus?  

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Pilatus, Hamidreza Ghanbari qal lill-ġurnalisti, wara li ħareġ mill-Qorti fejn kien qed jagħti xhieda bħala parti mill-inkjesta Maġisterjali, li l-bank ta lill-Qorti disa’ sigħat ta’ filmati CCTV. Il-filmati kienu jirrigwardaw dak li kien qed jiġri ġewwa l-bank.

Issa, naturalment, dan il-filmat se jkun qiegħed jilgħab rwol ċentrali dwar l-allegazzjoni li xi ħadd ipprova jilgħab mal-provi. X’ġara? Fejn kienet il-bagalja? Infetħet? Min fetaħha? X’kien hemm fiha?

Jekk il-filmat, fil-fatt ikun verifikat bħala awtentiku, jista’ jkun kruċjali ħafna biex iwieġeb il-mistoqsija: Fuq il-bagalja min qed jigdeb?

 

Għalfejn ma ġegħlux jirreżenja lil Konrad Mizzi?

Tibqa’ mistoqsija komuni minn bosta dwar għalfejn il-PM Muscat ma ġegħelx lill-Ministru Konrad Mizzi jirreżenja meta tgħallem/sar jaf jew meta kien mikxuf fil-pubbliku li dan fetaħ kont fil-Panama, li sakemm kien żvelat, ma kienx għadu ddikjarat. Kont fil-Panama jista’ jfisser jew inkella jimplika ħafna affarijiet: evażjoni tat-taxxa, korruzzjoni u ħabi. Dan ma jfissirx li Mizzi jista’ jkun akkużat b’ebda waħda minn dawn l-akkużi, imma xorta l-fatt li fetaħ kumpanija fil-Panama jitfgħuh taħt dellijiet ta’ dubji serji.

Biex tgħaxxaq, Mizzi kien il-Ministru li kien qed imexxi portafoll pjuttost estensiv bl-iffirmar ta’ kuntratti kbar. Provi li kien qed idaħħal fil-but? Assolutament xejn. Dubji li tqajmu? Ħafna, u ħafna.

Allura għaliex ħass li ma kellux inneħħih? Jekk fl-Oppożizzjoni, il-PL kien iħoss li Austin Gatt kellu jirreżenja għax kien hemm wisq duħħan fil-każ taż-żejt, anke jekk mhux nar, fuq Mizzi u Schembri għaliex ma rraġunax l-istess? Forsi għax Muscat kompliċi?

Dawn huma mistoqsijiet pjuttost leġittimi li saru diversi drabi u li bnew fuq il-perċezzjoni li Muscat ‘ma jistax ineħħi lil Konrad Mizzi għax jinsab fl-istess ilma tagħhom.’ Vera? Muscat qed jiċħad bil-qawwa. Li ma jistax jiċħad żgur huwa li l-‘azzjoni’ li ħa fil-konfront ta’ Mizzi, (li ma kienet azzjoni xejn għax biddillu t-titlu u waqaf hemm), m’għenet xejn biex tkun miġġielda l-perċezzjoni negattiva li ħoloq il-kont fil-Panama ta’ Konrad Mizzi.

Għalhekk huma ħafna dawk li llum reġgħu qed jistaqsu jekk l-inazzjoni tal-bieraħ, hux minħabba l-allegazzjonijiet tal-lum.

 

Għalfejn Daphne ma riditx titla’ bil-provi l-Qorti?

Caruana Galizia, anke jekk kienet pjuttost kritika tal-fatt li ħafna staqsew għall-provi kif jiġri kull darba li ssir allegazzjoni ta’ natura gravi, qalet li fil-fatt għandha provi. Imma jekk għandha l-provi, għaliex ma teħodhomx quddiem il-Maġistrat? Jekk hi stess qed tgħid li dan huwa imparzjali, għaliex ma titlax il-Qorti u tħalli istituzzjoni suprema u awtonoma b’inkjesta mmexxija minn Maġistrat rispettat u ‘imparzjali’, biex tkun hi li tiddeċiedi? U x’se tiddeċiedi? Tiddeċiedi fuq l-awtentiċità tad-dokumenti u l-provi.

Tiddeċiedi fuq kif dawn il-provi u dokumenti jimpattaw fuq jekk Michelle Muscat għandhiex kont fil-Bank Pilatus u jekk għaddewx flus fl-istess kont. Id-dokumenti li għandha Caruana Galizia jistgħu jiddeterminaw jekk Michelle Muscat (u magħha l-PM Joseph Muscat) hix qed tgħid il-verità jew hux qed tigdeb.

Jista’ jkun li Caruana Galizia se tistenna sa qabel l-elezzjoni ġenerali, qed jisħqu ħafna. Jista’ jkun. Imma x’differenza tagħmel, ladarba l-prova, fil-forma ta’ dokument jew whistleblower, waħedha hija biżżejjed biex il-PM jirreżenja? U x’għodda aħjar hemm biex tawtentika dokument jew prova jekk mhux il-Qorti u l-istess Maġistrat li laqa’ t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, fir-rigward tal-allegazzjonijiet?

Biex inkunu ġusti, Caruana Galizia sostniet li ladarba mhux hi qed tkun investigata, mela mhux hi għandha titla’ tixhed. Dan, anke jekk nhar il-Ħamis li għadda telgħet il-Qorti, b’taħrika u qalet lill-gazzetta The Times li mhi se tgħid ‘xejn ġdid’.

 

L-inkjesta tal-Maġistrat, fażulla?

Ftit sigħat wara li ħarġu l-akkużi kontra Michelle Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrepeta l-akkużi ta’ Caruana Galizia ftit qabel, jiġifieri li l-Inkjesta Maġisterjali, kienet fażulla għax il-provi ‘ħarbu bihom fil-bagalja’ u għax ‘il-katavru tneħħa mix-xena tad-delitt.’

Apparti l-fatt li l-allegazzjonijiet tal-famuża bagalja qed ikunu kkontestati u s’issa qed jirriżulta li huma dubjużi, il-Kap tal-Oppożizzjoni din il-ġimgħa deher quddiem l-istess Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta, fuq talba tiegħu stess u fuq provi li qed jgħid li għandu, li juru li Schembri kien involut f’attività ta’ ħasil ta’ flus. Dan idgħajjef il-kritika, li fil-fatt l-inkjesta hija ‘fażulla’. Għax kif inhi fażulla u kif m’għandekx fiduċja fiha, imma mbagħad titlobha tinvestiga provi? U kif inhi fażulla jekk provi hemm u min għandu l-provi ma jridx jitla’ l-Qorti u jressaqhom?

 

Għalfejn il-Kummissarju tal-Pulizija ma bediex jinvestiga mill-ewwel?

Mistoqsija li qamet diversi drabi kienet dwar il-Kummissarju tal-Pulizija u għalfejn dan ma marx jissiġġilla l-bank mal-ewwel, malli saru l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Michelle Muscat. Dawn il-mistoqsijiet huma pjuttost leġittimi.

Hemm min qed jgħid li allaħares il-Kummissarju tal-Pulizija għandu joqgħod jistenna blogg jew imur jissiġġilla bank malli xi ħadd joħroġ blogg. Fil-verità, dan l-argument ftit li xejn ireġi.

Hemm min qed jgħid li allaħares il-Kummissarju tal-Pulizija għandu joqgħod jistenna blogg jew imur jissiġġilla bank malli xi ħadd joħroġ blogg. Fil-verità dan l-argument ftit li xejn ireġi

L-allegazzjoni li saret minn Caruana Galizia kienet ċara u mill-aktar gravi. Issa vera, din il-blogger ma mxietx mal-prassi li ċċempel jew tmur l-għassa, imma l-akkużi kienu pjuttost gravi u pubbliċi wkoll. Il-Kummissarju, biex tgħaxxaq, kompla jitfa’ lilu nnifsu fil-linja tal-attakk, meta deher f’ikla privata. Xejn ħażin. Imma ma tidhirx tajjeb, lanqas.

Allura n-nies jistaqsu, għalfejn ma ċċaqlaqx mill-ewwel? Għax forsi ħares lejn min allega minflok lejn l-allegazzjoni?

Dawn il-mistoqsijiet, ma tantx għenu l-kawża ta’ Muscat u taw spinta lil min qed jallega. Taw spinta ikbar lill-Kap tal-Oppożizzjoni fl-għajta tiegħu li l-istituzzjonijiet ġew hijacked mill-Prim Ministru.

 

Għalfejn il-PM ma neħħiex lil Keith Schembri?

Din hija simili ħafna għal dak li hemm fil-kaxxa ta’ Konrad Mizzi. Għalkemm xi differenzi hemm ukoll. Keith Schembri huwa negozjant ta’ suċċess kbir ħafna fil-mestier tiegħu u mhuwiex elett mill-poplu.

Naturalment iżda, il-mistoqsijiet xorta jibqgħu hemm u kulħadd jaf li Keith Schembri huwa qrib ħafna tal-Prim Ministru. Allura l-mistoqsijiet jibqgħu: ma neħħieħx għax imdaħħal hu?

More in Politika