Ir-rata ta’ qgħad f’Malta waqgħet għal 4.1% fi Frar - l-inqas rata ta’ qgħad f’Malta mindu bdiet tiġi ppubblikata din l-istatistika fis-sena 2000. Il-Eurostat turi li din hi t-tlettax-il darba matul din il-leġiżlatura li pajjiżna wasal għal rekord ġdid fir-rata baxxa ta’ qgħad. Sa tmiem il-leġiżlatura li għaddiet l-inqas rata ta’ qgħad kienet 5.8%.
Fi stqarrija l-Gvern fakkar li matul il-leġiżlatura preċedenti, bħala medja, "ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet tlaħħaq is-6.5%. Fi tmiem l-2009 kienet saħansitra ntlaħqet rata ta’ qgħad ta’ 7.3%. Lejlet l-aħħar budget ta’ gvern preċedenti, skont il-Eurostat, kien hemm iżjed minn 4,000 iktar persuna bla xogħol milli hawn illum. Minkejja din l-istatistika verifikata mill-Eurostat, l-Oppożizzjoni qed tiċħad li l-qgħad f’pajjiżna naqas matul din il-leġiżlatura."
Filwaqt li pajjiżna rreġistra rata ta’ qgħad ta’ 4.1%, madwar iż-żona ewro l-qgħad ilaħħaq id-9.5%, iġifieri iktar mid-doppju tar-rata f’Malta. Pajjiżna issa għandu t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad madwar l-Unjoni Ewropea. Malta għandha rata ta’ qgħad ta’ 0.2% biss iktar mill-Ġermanja. F’Marzu tal-2013 id-distakk bejn Malta u l-Ġermanja kien erba’ darbiet ikbar.
Fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ programmi biex iktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħall-garanzija għaż-żgħażagħ li l-Kap tal-Oppożizzjoni jemmen li hi “one big menace for our economy”. Filwaqt li fil-leġiżlatura li għaddiet il-qgħad fost iż-żgħażagħ ġieli laħaq il-5,000, skont il-Eurostat, pajjiżna llum għandu l-ħames l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea.
"Fl-erba’ snin li għaddew biss pajjiżna kellu żieda fl-impjiegi iktar minn dik fi tliet leġiżlaturi preċedenti meħudin flimkien. Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni bassar rata ta’ qgħad ogħla minn 7%, frott il-miżuri tal-Gvern il-Eurostat turi rata kważi n-nofs ta’ dan it-tbassir. Pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja filwaqt li n-numru ta’ nies fuq ir-reġistru niżel qrib l-2,600," qal il-Gvern.