Fenech Adami jwissi li Malta tista' tikkollassa bħal Ċipru b'Muscat fil-Gvern

  • Fit-tieni jum tal-kampanja elettorali l-PN ikompli jisħaq illi Egrant hija ta' Michelle Muscat
  •  Jikkwota lill-whistleblower biex isostni li fil-fatt provi hemm

Beppe Fenech Adami (arkivji)
Beppe Fenech Adami (arkivji)

Fit-tieni jum tal-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista kompla bil-kritika tiegħu dwar korruzzjoni bil-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami saħansitra jakkuża lill-Muscat li jinsab dahru mal-ħajt. Huwa sostna li l-pajjiż sejjer għal elezzjoni minħabba l-korruzzjoni.

Dwar Egrant, il-kumpanija allegatament ta' mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, Fenech Adami sostna li hemm whistle blower u din waħedha hija biżżejjed bħala prova. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN, Fenech Adami semma biċċiet minn recording tal-istess whistleblower li fiha din tgħid li qalet lill-Maġistrat Aaron Bugeja dak kollu li taf dwar il-każ. Hi ma qalitx jekk għaddietx dokumenti dwar il-każ jew le. 

Kien dan is-sit li żvela li l-whistleblower, Russa li qed tiffaċċja akkużi ta' frodi mill-Bank Pilatus u li kienet imkeċċija minn dan il-post ix-xogħol, ma ħaditx dokumenti magħha meta marret quddiem il-Maġistrat tixhed fl-inkjesta. Minkejja dan, hija saħqet illi rat tali dokumenti li suppost juru illi Egrant hija ta' Michelle Muscat. 

Fenech Adami sostna li dan kien 'attakk feroċi' fuq din il-mara Russa.

"It-theddida għal setturi differenti ekonomiċi hija reali," sostna Fenech Adami, "u pajjiżi oħrajn esperjenzaw kollass simili. Ċipru kien wieħed minnhom. Ħadet ir-reputazzjoni ta' post għall-kriminali, ħasil ta' flus u politiċi korrotti, li rriżulta f'kollass."  

More in Politika