F’mass meeting f'Ħal Balzan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għal bosta drabi appella kontra l-biża' u assigura lil dawk preżenti u lill-poplu li Gvern Nazzjonalista mhu se jieħu xejn mill-ġustizzja jew minn dak li seta' ingħata minn dan il-Gvern. Huwa qal dan b'referenza għal dak li ddeskriva bħala kampanja sħiħa ta' qadi u pjaċiri li għaddejja bħalissa.
Busuttil qal illi l-poplu m’għandux jibża’ minn Gvern Nazzjonalista għax bħalma l-PN ħoloq setturi diversi fil-passat, se jerġa jagħmel l-istess. “M’hemm xejn minn xhiex tibżgħu,” sostna Busuttil li qal ukoll illi minkejja li t-triq hija għat-tegħla, “jekk ma qtajniex qalbna meta konna 36,000 minn taħt, aħseb u ara issa li qegħdin warajhom u nistgħu ngħadduhom,” sostna l-Kap tal-PN
“Magħna l-ekonomija mhux talli tibqa’ soda talli tikber, għax meta tneħħi l-korruzzjoni tikber aktar,” sostna Busuttil f’appell ieħor lill-folla preżenti.
"Żommu dak li tagħkhom bi dritt, aħna ċerti li ħadd mhu se jbiegħ lill-pajjiżu," saħaq Busuttil f'Ħal Balzan, "għax dak li hu tagħkom huwa tagħkom. Imma daqstant ieħor aħna se naraw li ssir ġustizzja ma’ dawk li magħhom saret inġustizzja.”
“Din m’għandhiex tkun kompetizzjoni ta’ proposti, għax kulħadd kapaċi jwiegħed kollox, din mhux elezzjoni dwar proposti imma elezzjoni dwar prinċipju u l-ebda proposta ma tista tnessi l-prinċipju tal-onestà. Muscat ma jistax iwiegħed l-onestà ,” qal Busuttil għall-għajjat ta’ ‘barra barra’.
Busuttil beda l-indirizz tiegħu billi qal illi l-elezzjoni saret minħabba l-korruzzjoni. "Huwa fatt illi l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ilhom sena jafu x’fih ir-rapport tal-FIAU,” sostna Busuttil. Huwa qal li dan huma fatti li lkoll nistgħu nisimgħuhom u nistgħu mmissuhom. “L-unika raġuni għaliex sejjaħ elezzjoni hija biex isalva ġildu, biex jiskansa u jeħles mir-responsabilità tiegħu u jipprova jħassar kollox b’elezzjoni,” sostna Busuttil.
Busuttil qal li ħadd m’għamel xejn, mill-Pulizija, sal-Avukat Ġenerali u l-MFSA u staqsa; “Min se jagħmel xi ħaġa f’dan il-pajjiż?” Busuttil saħaq li jrid jagħmel bidla mill-qiegħ fl-istrutturi kollha tal-pajjiż, inkluż il-Public Broadcasting Services (PBS).
'L-aħħar karta tal-poplu biex isalva lil Malta huwa l-vot," sostna Busuttil għall-approvazzjoni tal-eluf li kien hemm preżenti quddiemu.
Huwa xebbaħ lil Malta mad-dar metaforika u sostna li l-PN irid li jerġa jsaħħaħ il-pedamenti tal-pajjiż u qal illi l-akbar wegħda tal-PN hija li titnaddaf is-sistema politika ta’ pajjiżna, “biex dak li qed jiġri illum u fil-passat ma jerġa jiġri qatt.”
Busuttil reġa wiegħed li l-ewwel ħaġa li se jagħmel il-PN huwa li jbiddel il-Kummissarju u “jsir ħaqq ma’ min ħaqqu.”