Waqt il-mass meeting tal-Partit Laburista fl-Imqabba llum, indirizza lill-folla, l-avukat John Bonello li huwa eks Segretarju Internazzjonali u eks membru tal-amministrazzjoni tal-PN. Kien ukoll membru ta' bord maħtur apposta wara l-2013 minn Simon Busuttil dwar il-proċess ta' tiġdid fi-PN.
Bonello, li ta diskors imqanqal qabel il-Prim Ministru, saħaq li hu ma kienx jaqbel mad-deċiżjonijiet li ħa l-PN lura fil-kwistjoni tad-divorzju, iżda ttama li dan ibiddel id-direzzjoni.
Jien nafhom lil dawn in-nies, bħalma naf lil Simon Busuttil li wiegħed mod u għamel ieħor. Gideb miegħi bħalma gideb magħna lkoll għax hu giddieb
L-eks uffiċjal tal-PN qal kif fl-elezzjoni li għaddiet, m’emminx li Joseph Muscat kien kapaċi jbiddel l-andament tal-pajjiż, u li kienet vera l-għajta ta’ ‘tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna’.
Dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bonello qal li huwa kien jemmen li b’Simon Busuttil, l-affarijiet kienu se jmorru ’l quddiem, “imma ma domtx ma ndunajt li kont żbaljat, għax huwa ħafna agħar minn dak li kien hemm qabel...mill-Partit ta’ Lawrence Gonzi.”
“Simon Busuttil għażel mentalità ta’ firda. Qattgħu s-snin jitfgħu t-tajn mingħajr ma jaraw x’setgħu kienu l-konsegwenzi. Meta kellhom iċ-ċans juru li nbidlu, astjenew,” saħaq Bonello.
John Bonello sostna kif irid jitkellem dwar il-futur, ma jridx li l-pajjiż jerġa’ jaqbad it-triq tan-niżla. Wissa qkoll li wara l-billboards tal-Partit Nazzjonalista u wara Simon Busuttil, għad hemm l-istess nies, li kienu jaħsbu li huma biss kienu kapaċi jmexxu.
“Jien nafhom lil dawn in-nies, bħalma naf lil Simon Busuttil li wiegħed mod u għamel ieħor. Gideb miegħi bħalma gideb magħna lkoll għax hu giddieb,” temm jgħid Bonello, f’diskors imqanqal.