L-aħħar dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja politiċi organizzat mill-Awtorità tax-Xandir ra kontinwazzjoni tad-diskorsi li rajna tul il-kampanja elettorali, fil-konferenzi tal-aħbarijiet, mass meetings, dibattiti u attiviatjiet politiċi. Id-dibattitu ra lill-mexxejja jitkellmu dwar x’wettqu, x’qed iwiegħdu u iktar minn kollox, x’għamel ħażin il-partit l-ieħor.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal kif lura għall-programm elettorali Nazzjonalista, li qal li hu kburi li kien kiteb, kien diġà bassar li l-pajjiż ikun laħħaq surplus fl-2016, kif verament għamel, u sostna li , “konna profetiċi u konna nafu fejn kien sejjer il-pjan ekonomiku. Il-Prim Ministru jitkellem donnu x-xemx telgħet f’Marzu tal-2013.” Busuttil insista wkoll li erba’ snin ilu, meta Muscat mar quddiem il-poplu, kien il-futur, “imma llum huwa l-passat mimli skandli. Ma jixirqilniex ngħixu f’din is-sitwazzjoni.”
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-argumenti ta’ Busuttil ikomplu fejn ħalla nhar il-Ġimgħa fid-dibattitu fil-programm Xarabank, b’attakk negattiv. Sostna li, “din il-politika ta’ attakki dejqithom lin-nies. Aħna għamilna żbalji, imma meta tagħmel kollox fuq miżien, taf li l-familja qiegħda aħjar.” Waqt li elenka numru ta’ kisbiet ta’ dan il-Gvern tul l-aħħar erba’ snin, Muscat insista li l-ikbar legat ta’ dan il-Gvern huma x-xogħol u d-drittijiet ċivili. Dan waqt li insista kif issa, il-Gvern għandu wkoll l-esperjenza u għandu l-kredibbiltà “għaliex dak li konna wegħdna, wettaqnih, u dan huwa l-garanzija li se nkunu qed inwettqu.”
Dwar iż-żbalji, iżda, min-naħa tiegħu, Busuttil sostna kif anke hu jagħmel iż-żbalji, “imma hemm differenza meta jkun żball, u meta tkun ħadma u kollox isir bi pjan. Il-kumpaniji fil-Panama nfetħu f’Marzu tal-2013, jiġifieri hemm differenza, għaliex meta tagħmel affarijiet bi pjan, ma jkunx żball iżda tkun saret b’intenzjoni.”
Iż-żewġ mexxejja qablu li se jkunu qed ibaxxu rashom għad-deċiżjoni tal-poplu, “għax nirrispetta l-intelliġenza u l-għażla tal-poplu,” kif qal Muscat, “għax jekk ma nemmnux fid-demokrazija, nżarmaw u mmorru ‘l hemm.”
Dwar il-korruzzjoni, Busuttil appella lill-Prim Ministru u fakkru li hu stess kien qal li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, ikun korrott hu wkoll, “u int,” sostna Busuttil, “erba’ darbiet ma ġġilidx il-korruzzjoni,” waqt li rrefera għar-rapporti tal-FAIU. Għal dan, Muscat qal kif min-naħa tiegħu, Busuttil, “imliena bil-karti, imma xejn fatti. Għalaq għajnejh, widnejh u ħalqu għall-korruzzjoni,” waqt li semma l-każijiet tad-db, tal-eks Ministru George Pullicino u tal-viċi kap tal-PN, Beppe Fenech Adami.
Muscat, għal iktar minn darba, jipparaguna liż-żewġ mexxejja u jappella lill-poplu li quddiemu għandu għażla ċara, “jekk immorrux lura għand min ħoloq il-problemi, jew għand min solva l-problemi li ħaddieħor qal li huma impossibbli.”
Meta tkellmu dwar l-istabbiltà, Muscat insista li Simon Busuttil bħala Prim Ministru, ikun dgħajjef, b’maġġoranza ta’ siġġu wieħef, “għax miegħu daħħal persuna imprevedibbli li żżommu ostaġġ għax tikkmandah. Ikollna gvern imwieled fuq l-instabbiltà u hemm żgur ma jiġix l-investiment.” Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal kif fil-verità, dan il-Gvern affaċja problema ta’ instabbiltà, “meta rbaħt b’36,000 u kellek tagħmel elezzjoni sena qabel.”
F'messaġġ li kien żvelat fuq il-midja tal-PN kien jippreċiża illi mhux se jallokaw f'Malta imma li applikaw biex joperaw minn Malta wkoll.