L-ewwel indikazzjonijiet mis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar juru li l-Partit Laburista kiseb il-maġġoranza f'din l-elezzjoni ġenerali. Għaldaqstant, din hija t-tieni rebħa elettorali ta' Joseph Muscat, u allura se jkun ikkonfermat Prim Ministru għat-tieni darba, wara li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-PL kiseb maġġoranza ta' 36,000 vot.
L-indikazzjonijiet qed juru li l-Partit Laburista kien b'saħħtu sew fin-naħa t'isfel ta' Malta, inkluż l-ewwel distrett li s-soltu jkun distrett kemxejn deċiżiv, filwaqt li d-distrett numru 12, qed jidher li se jkun miġġieled.
L-atmosfera fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti xegħlet għall-ħabta 11:15 a.m xħin kien ċar li se jirbaħ il-Partit Laburista bil-folla tgħajjat 'Viva Joseph...Viva Joseph Viva l-Labour.'
Għalkemm għadu mhux ċar b'kemm huwa d-distakk, jidher illi d-distakk huwa wieħed kbir li jista' saħansitra jlħaħħaq it-30,000. Fil-fatt l-ewwel proġetazzjonijiet huma ta' distakk ta' 34,000 vot.
L-attività fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti bdiet ilbieraħ filgħaxija, wara li bdew jġu jaslu l-kaxxi fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar. Minn hemmhekk, il-kaxxi bdew jinfetħu. Il-poloz tal-voti bdew jiġu magħduda fl-10:20 wara li nfetħu l-kaxxi tal-vot u ġew imqassma f'pakketti ta' 50.
Wara kampanja elettorali intensa ta' 32 jum, l-elettorat ġie msejjaħ biex jivvota matul il-ġurnata tal-bieraħ, b'92% tal-persuni eliġibbli biex jivvutaw, jagħmlu dan.