Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li mhux se jkun qed jibqa' fil-kariga ta' mexxej tal-Partit Nazzjonalista wara t-telfa elettorali kbira li sofra l-Partit fl-elezzjoni ġenerali ta' nhar is-Sibt li għadda.
Busuttil qal kif hu flimkien mat-tmexxija tal-PN, mhux se jibqgħu fil-kariga tagħhom, u "minn issa 'l quddiem, il-PN jibda proċess li jieħu stokk tar-riżultat. Jinbeda l-proċess biex tiġi eletta tmexxija tal-Partit, u bħala mexxej, nerfa' r-responsabbiltà politika, u nemmen li l-PN għandu jagħżel kap ġdid, għal din il-fażi l-ġdida."
Busuttil qal li anke t-tmexxija għażlet li terfa' r-responsabbiltà, u għalhekk mhux se jkunu qed jikkontestaw il-karigi tagħhom.
Sosta kif minkejja r-riżultat, "se nħalli warajja partit organizzat tajjeb, li ġġieled kampanja elettorali tajba u li anke fejn għandhom x'jaqsmu finanzi, koprejna l-ispejjeż kollha tal-kampanja mingħajr ma għamilna ewro dejn għall-partit."
Busuttil qal ukoll li għall-elezzjoni biex taħtar kap tal-PN, għall-ewwel darba se jkunu t-tesserati kollha li jivvutaw għal dawn il-ħatriet.
Il-Kap tal-PN, irringrazzja wkoll lil Marlene Farrugia u l-kandidati tal-Partit Demokratiku għaliex flimkien, "ħloqna forza nazzjonali li għalkemm f'minoranza, tibqa' forza b'saħħitha fil-pajjiż."