Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia, u issa wkoll deputata eletta fuq l-10 distrett qalet li ma teskludix li tikkontesta għall-kariga ta' kap tal-Partit Nazzjonalista, liema kariga tinsab vakanti wara r-riżenja ta' Simon Busuttil u t-tmexxija kollha tal-Partit.
Waqt li kienet qed tagħti kummenti fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar ftit tal-ħin biss wara li ġiet eletta, Farrugia qalet li hi ma teskludi xejn waqt li sostniet li għadu ma kellhiex żmien biex taħseb fuq dan, meta ġiet mistoqsija dwar is-sehem li tixtieq tagħti fl-għażla ta' mexxej ġdid tal-PN, u anke jekk tikkunsidrax li tikkontesta għal din il-kariga.
Dwar ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, Farrugia qalet li minkejja li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni, dan tilef ruħu. "jekk Joseph Muscat jerġa' jipprova jqajjem dik ir-ruħ, tkun ħaġa tajba sabiex il-ġid jitqassam b'mod ġust u onest," sostniet il-Kap tal-PD. Żiedet tgħid li hi se tkun parti mill-Oppożizzjoni, u se taħdem sabiex mhux biss ikun hemm oppożizzjoni kostruttiva, imma anke li tkun gvern alternattiv. Dan filwaqt li wiegħdet li se tkun qed iżżomm dejjem l-interess tal-pajjiż u tal-persuni l-iktar vulnerabbli, fl-ewwel post.
Farrugia, li ġiet eletta mill-10 distrett, jiġifieri Tas-Sliema, San Ġiljan, Pembroke, il-Gżira, Baħar iċ-Ċagħaq u parti min-Naxxar, sostniet li hi, "persuna b'għeruq Laburisti u li ġejja 'minn wara l-mina', ġiet eletta min-nies tal-10 distrett li huma core voters tal-PN, li jfisser li nqatgħet id-diviżjoni bejn tan-north u tas-south."