Din l-elezzjoni ġenerali rat ammont imdaqqas ta' kandidati ġodda eletti. Għaldaqstant, numru ta' eks deputati u saħansitra eks ministri għadhom ma ġewx eletti u possibbilment lanqas jiġu eletti fil-Parlament f'din il-leġiżlatura, u dan meta l-proċess tal-għadd tal-voti ġie konkluż.
Fil-fatt, kienu total ta' 17-il eks deputat li baqa' ma ġiex elett wara li spiċċa l-proċess tal-għadd tal-voti. Minkejja dan, uħud minn dawn id-deputati għadhom biċ-ċans li jitilgħu fil-Parlament permezz tal-by-elections, meta dawk id-deputati eletti minn fuq żewġ distretti, jiddeċiedu liema distrett dawn se jkunu qed iċedu.
Fil-Partit Laburista, b'sorpriża għal uħud baqgħu ma ġewx eletti l-eks Ministri Edward Zammit Lewis u Manuel Mallia u l-eks segretarju Parlamentari Deborah Schembri. Baqgħu mhux eletti wkoll l-eks deputati Stefan Buontempo, Franco Mercieca, li postu ttieħed mill-kandidat żagħżugħ Clint Camilleri, Luciano Busuttil, Etienne Grech, Joe Farrugia.
Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, għadd ta' eks deputati u anke eks ministri ma ġewx eletti. Fost dawn insibu l-eks Ministri George Pullicino, Francis Zammit Dimech, Ċensu Galea u Carm Mifsud Bonnici. Ma ġewx eletti wkoll Paula Mifsud Bonnici, Peter Micallef, Antoine Borg u Frederick Azzopardi.
Baqa' ma ġiex elett ukoll l-eks whip tal-Partit Laburista, li iktar tard ingħaqad mal-Partit Demokratiku, taħt il-lista tal-Partit Nazzjonalista, Godfrey Farrugia.