'Ikbar ma tkun il-fiduċja, ikbar ir-responsabbiltà'
Joseph Muscat jappella għall-għaqda waqt messaġġ ta' ringrazzjament lil kull min emmen fil-PL
More in Politika
Joseph Muscat jappella għall-għaqda waqt messaġġ ta' ringrazzjament lil kull min emmen fil-PL
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li maġġoranza bħalma kiseb il-Partit Laburista l-ġimgħa li għaddiet ma ġietx billi ngħataw il-pjaċiri iżda bis-saħħa ta’ tmexxija b’viżjoni. “Minn jaħseb li maġġoranza bħal din tinkiseb bil-pjaċiri, ikun qed jinsulta l-intelliġenza tal-poplu. Riżultat bħal dan wasal għax kien hemm tmexxija b’viżjoni. Raw tama f’dan il-moviment.”
Meta kien qed jindirizza l-folol li nġabru fuq il-Fosos fil-Furjana għall-mass meeting tar-rebħa, Joseph Muscat qal li “kull riżultat li kiseb dan il-moviment, kien sinnifikanti u dan kien riżultat ċar li Malta hi magħquda u taf tagħżel.” Muscat żied jgħid ukoll li dan ma jfissirx li l-maġġoranza hi ta’ partit jew ieħor, imma li ħafna Maltin u Għawdxin iħossuhom l-istess fejn tidħol id-direzzjoni tal-pajjiż. Fl-istess waqt sostna li ikbar ma tkun il-fiduċja, ikbar tkun ir-responsabbiltà.
Muscat għamel aċċenn dwar l-umiltà u sostna li dan ir-riżultat jimla lilu u lill-Partit b’umiltà quddiem il-qawwa tal-poplu. “Inwiegħed li kemm indum inservi jien, se nibqa’ nservi b’umiltà, jien u dawk ta’ madwari,” sostna Muscat waqt li enfasizza li, “min jibda jara n-nies dubbien, se jsib lili nfakkru li Malta remiet l-arroganza u l-firda darba għal dejjem.” Dan filwaqt li sostna li se jibqa’ jkun qrib tan-nies, u jħoss il-polz tal-poplu.
Muscat tkellem dwar ‘fjamma’ li bdiet tinxtegħel fl-2013 u li issa “saret ħuġġieġa kbira.”
F’appell kontinwu ta’ għaqda u messaġġ ta’ ringrazzjament tiegħu lejn il-poplu Malti għall-għażla tiegħu l-ġimgħa li għaddiet, Muscat qal li din l-għażla tal-poplu ġiet għaliex, “in-nies għażlet il-verità fuq il-gideb u għalhekk Malta għażlet lil dan il-moviment b’maġġoranza ġdida storika li hi l-ikbar waħda ta’ kull żmien.”