Fl-antiporta tal-Parlament...jew ġewwa jew barra
Il-kandidati li għandhom ċans jagħmluha fil-Parlament fl-elezzjonijiet każwali
minn Veronica Lynn Mizzi
Minkejja li l-voti ġew magħduda u l-kandidati ġew eletti fid-distretti tagħhom, b’uħud minn dawn jieħdu l-kariga fil-Kabinett, għad fadal 11-il wiċċ ġdid jew antik, x’jiżdied mal-lista ta’ nies li se jkunu qed jiffurmaw il-Parlament sa minn nhar is-Sibt 24 ta’ Ġunju.
Il-Partiti rispettivi, għalhekk għandhom id-deċiżjonijiet tekniċi u strateġiċi x’jieħdu, jew li diġà ħadu, sabiex jaraw liema distretti se jiġu ċeduti minn dawk il-kandidati li ġew eletti minn fuq żewġ distretti sabiex jagħmlu post għal oħrajn ġodda permezz tal-elezzjonijiet każwali.
Dan il-proċess, fejn jikkonċerna lis-seba’ deputati tal-Partit Laburista diġà sar tul il-ġurnata tas-Sibt li għadda, fejn l-eżekuttiv tal-PL tlaqqa’ sabiex permezz ta’ vot sigriet, jiġi magħżul liema distrett se jiġi ċedut, u għaldaqstant, liema kandidat għandu jiġi elett.
Deher biċ-ċar kif din id-deċiżjoni saret sabiex ikunu l-favoriti li jerġgħu jidħlu fil-Parlament dawk id-deputati u eks membri tal-Kabinett li baqgħu ma kisbux voti biżżejjed sabiex jitilgħu tul il-proċess normali tal-elezzjoni. Ma’ dawn ta’ min wieħed iżid l-element femminili sabiex b’xi mod jiżdied in-numru ta’ nisa fil-Parlament, u wċuħ familjari oħra fil-Partit Laburista minkejja li qatt ma kienu fil-Parlament.
Stefan Zrinzo Azzopardi favorit għas-siġġu vakat mill-PM
L-aktar persuna li akkwistat voti matul din l-elezzjoni kien proprju l-Prim Ministru Joseph Muscat, b’27,560 li tela’ kemm fit-tieni u fil-ħames distrett mal-ewwel count. Il-PL iddeċieda li jżomm it-tieni distrett, u jeleġġi kandidat minn fuq il-ħames distrett, bil-favorit li jagħmel dan ikun Stefan Zrinzo Azzopardi, li għalkemm qatt ma kien fil-Parlament, mhux wiċċ ġdid fil-Partit Laburista hekk kif kien President tal-Partit, u kien ukoll ikkontesta l-elezzjoni ta’ deputat mexxej tal-PL.
Li kieku ġie deċiż li l-Prim Ministru jċedi t-tieni distrett minflok, kien jinfetaħ il-bieb tal-Parlament għall-blogger u xandar tal-PL Glenn Bedingfield, u warajh l-eks Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo. Fil-fatt, minkejja li Joseph Muscat ma ċediex is-siġġu fuq it-tieni distrett, Bedingfield xorta waħda huwa l-favorit li jiġi elett minn dan id-distrett hekk kif il-Ministru Helena Dalli, li wkoll ġiet eletta minn żewġ distretti, se tkun qed iċċedi s-siġġu fit-tieni distrett, u żżomm dak tat-tielet.
Minkejja li fit-tielet distrett kien hemm żewġ kandidati li setgħu jċedu posthom, ċoè l-Ministri Helena Dalli u Chris Fearne, ħadd minnhom ma għamel dan, u li kieku sar hekk, il-favorit minn dan id-distrett kien ikun il-preżentatur u eks Nazzjonalist Jean Claude Micallef. Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li kien l-iktar kandidat li ġab voti wara ż-żewġ mexxejja tal-Partiti, fil-fatt ċeda s-siġġu tar-raba’ distrett, minn fejn tela’ b’5,405 voti. Billi għamel hekk, ta l-opportunità lit-tabib Etienne Grech jagħmel ir-ritorn tiegħu fil-Parlament, wara li falla milli jiġi elett.
Iktar nisa rappreżentati fil-Parlament
Is-sindku żagħżugħa Qormija Rosianne Cutajar, falliet milli titla’ fuq id-distrett ta’ Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħal Luqa għal ftit voti, f’tellieqa kkumbattuta mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. Minkejja dan, bis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri jiġi elett kemm mis-sitta u mis-seba’ distrett, Cutajar tista’ tingħaqad ma’ Robert Abela u Roderick Galdes bħala kandidati eletti fuq is-sitt distrett.
Il-Partit Laburista ddeċieda wkoll li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, jerħi t-tmien distrett elettorali sabiex possibbilment, ikun jista’ jerġa’ jdaħħal fil-Parlament lill-eks Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li kien viċin li jiġi elett.
Kemm Silvio Schembri kif ukoll Edward Scicluna se jkunu qed iżommu s-siġġu fis-7 distrett. Li kieku m’għamlux dan, is-sindku tar-Rabat Charles Azzopardi u l-eks deputat Laburista u chairman tal-Malta Tourism Authority Gavin Gulia kien ikollhom ċans li jaħtfu dawn is-siġġijiet.
Il-Ministru Michael Falzon se jkun qed iċedi s-siġġu fid-disa’ distrett bil-possibbiltà li jidħlu lura fil-Parlament xi ħadd minn fost żewġ eks ministri, Edward Zammit Lewis jew Manuel Mallia. Li kieku Falzon ċeda s-siġġu li kellu fuq l-10 distrett, xorta waħda kien ikollu l-possibbiltà li jiġi elett Manuel Mallia.
Min-naħa l-oħra, fit-tnax-il distrett, baqgħet ma ġietx eletta l-eks segretarju parlamentari Deborah Schembri, u jista’ jkun li minkejja li se jkun qed iċedi s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett il-Ministru Evarist Bartolo, xorta waħda ma tiġix eletta, għaliex il-favorit li jiġi elett f’dan id-distrett huwa l-viċi sindku tal-Mellieħa Clayton Bartolo, possibbilment minħabba l-wirt tal-voti fl-ordni alfabetika.
David Thake b’ċans doppju li jidħol fil-Parlament
Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm tliet kandidati li ġew eletti minn fuq żewġ distretti minbarra l-Kap, Simon Busuttil.
Fil-fatt, il-viċi kap, Beppe Fenech Adami jista’ jċedi s-siġġu fuq is-seba’ distrett, u hemmhekk huwa favorit li jiġi elett l-eks deputat Antoine Borg, jew iċedi t-tmien distrett biex jiġi elett il-preżentatur David Thake.
L-istess Thake jaf ikollu ċans ieħor biex jidħol fil-Parlament jekk mhux fuq it-tmien distrett minħabba li kien kandidat ukoll fuq it-12-il distrett. Hemmhekk, il-Kap tal-PN Simon Busuttil ġie elett, kif għamel ukoll fuq id-distrett ħdax. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ Busuttil hija jekk jeleġġix lil David Thake jew inkella lis-sindku tal-Mosta u eks Laburist Ivan Bartolo.
Wara li l-kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia ħadet siġġu fl-għaxar distrett u minħabba f’hekk, kandidati veterani tal-PN bħal George Pullicino baqgħu l-art, jista’ jkun li dan jerġa’ jsib postu fil-Parlament. Dan billi d-deputat Robert Arrigo li ġie elett kemm fid-disa’ kif ukoll fl-għaxar distrett, iċedi proprju l-għaxar distrett.
Fuq id-disa’ distrett, kemm Marthese Portelli, kif ukoll Robert Arrigo, ġew eletti, hekk kif għamlu wkoll fuq distretti oħra. Jekk xi ħadd minn dawn jiddeċiedi li jċedi dan id-distrett, il-favorit mistenni li jkun l-intraprenditur Ivan Bartolo, u warajh is-sindku tas-Swieqi Noel Muscat.
Id-deputata Marthese Portelli għandha l-opportunità li minflok, iċċedi s-siġġu fid-distrett Għawdxi. Hawnhekk, minħabba li Frederick Azzopardi diġà ġie elett bis-sistema tar-ripeskaġġ fejn ingħataw żewġ siġġijiet lill-PN biex jirrifletti l-ammont ta’ voti miksuba, il-kandidat favorit ikun l-Għawdxi Kevin Cutajar.
Minkejja kollox, ikun jiddependi ħafna fejn marru l-voti ta’ preferenza tad-deputati li ċedew is-siġġu, u l-kandidati msemmija hawn fuq, huma biss dawk li huma favoriti li jitilgħu minħabba li l-ammont ta’ voti li akkwistaw jiġi eżatt wara tal-kandida