L-għajtiet fit-triq li wasslu għad-disfatta tal-PN
Biex tifhem għalfejn il-PN tilef b’daqstant enormità trid tifhem x’kienu qed jgħidu n-nies fit-toroq u fil-kwiet ta’ darhom...l-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-għajtiet popolari li reġgħu rregalaw lill-PN b’disfatta kbira ħafna...
minn Albert Gauci Cunningham
Ma ndurux mal-lewża. Ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni kien xejn inqas minn katastrofiku għall-Partit Nazzjonalista. Kien hekk għal bosta raġunijiet, l-ewwel għaliex wera li kull kisba fost setturi tal-elettorat tilifha, fis-sens li dak li rebaħ kien qed jitilfu minn settur ieħor. Huwa katastrofiku għax il-fatt li d-distakk ta’ 36,000 vot fl-2013 mhux talli naqas talli żdied b’2,000 vot ieħor juri illi fil-fatt, numerikament, il-PN mar lura mhux ’il quddiem. U huwa riżultat ikrah ukoll għax kien assolutament mhux mistenni minn ħafna u ħafna nies fil-partiti, fil-midja u anke fost l-għeruq.
Is-sentiment fost l-aġenti tal-PN Fin-Naxxar, inbidel minn wieħed ta’ diżappunt u qrusa għal wieħed ta’ sorpriża kerha, tant li r-riżultat anke, mat-tmiem tal-għadd tal-voti, kien għadu mhux mifhum biżżejjed. Kien għadu għal ħafna fil-PN qisu ħolma kerha.
Imma kif inhu possibbli li sentiment u riżultat daqstant massiċċ favur il-Partit Laburista ma indunajniex bih? Kif jista’ jkun li kien saħansitra nħoloq is-sentiment li l-PN għandu ċans jirbaħ l-elezzjoni, meta kellek swing daqstant kbir favur il-Gvern?
L-ILLUM, matul il-ġimgħat tal-kampanja elettorali tkellmet man-nies, deputati u semgħet x’kien qed jgħid Ċikku, Pam, Roger u Mary, ċemplet kandidati miż-żewġ naħat u tkellmet ukoll privatament ma’ individwi. Dan ma sarx għall-fini ta’ pubblikazzjoni minħabba li ma kienx eżerċizzju xjentifiku, imma wieħed li jiżen aħjar is-sentiment fost votanti differenti. F’dan l-artiklu qed naqbdu sentimenti differenti u popolari u nispjegaw kif kull wieħed, tajjeb jew ħażin, taqbel jew ma taqbilx miegħu kkontribwixxa għat-telfa kbira li sofra l-PN.
N.B – L-għan ta’ dan l-artiklu mhuwiex li jinnormalizza jew jaċċetta dawn l-ideat u l-argumenti. Qed jippreżentahom biss u janalizzahom
1. “It-tnejn korrotti...imma ma’ dawn jiekol kulħadd, l-oħrajn għalihom biss jaħsbu”
Minkejja l-kampanja effettiva li għamel il-Partit Nazzjonalista fuq il-korruzzjoni, din kienet effettiva biss fis-sens li mmobilizzat il-hardcore u numru ta’ switchers. Ma kinitx biżżejjed biex timmobilizza lil dawk l-eluf ta’ votanti ġodda u dawk li baqgħu fin-nofs sal-aħħar tal-kampanja.
Minkejja ħafna tentattivi l-PN sabha diffiċli biex jinża l-libsa tal-korruzzjoni, l-arroganza u l-apatija li kien libes qabel l-2013. Apparti każi partikolari, bħal dak taż-żejt u tixħim minn kanvassers jew allegazzjonijiet ta’ pjaċiri, il-perċezzjoni li l-PN huwa ‘korrott’ jew għandu elementi ‘korrotti’ baqgħet hemm. U fil-politika l-perċezzjoni tgħodd daqs jew iktar mir-realtà.
Minkejja li kienu ħafna dawk li qablu ma’ Busuttil dwar il-kwistjoni Panama, djalettika partikolari li qabdet art kienet li għallinqas ‘taħt il-labour raħħsulna l-kontijiet, qed indawru lira, il-permess ħariġli... jekk dan korrott l-ieħor ukoll imma għallinqas ma’ dawn qed nieklu, mal-oħrajn bqajna l-art.”
Dan l-argument mhux talli kien issottovalutat talli kien injorat u mfarfar taħt tapit. Dan huwa argument li għandu għeruqu f’żewġ fatturi. L-ewwel; il-poplu ta’ kull demokrazija, fin-nuqqas ta’ theddid reali u palpabbli (mhux ikkreat u artifiċjali) għal ħajjithom, għad-demokrazija jew għal-libertà tal-espressjoni, jivvota skont il-but u l-bżonnijiet ristretti tiegħu u tal-familja tiegħu. It-tieni; Simon Busuttil ma tantx wera id iebsa ma’ dawk li b’għemilhom ikkontradixxewh. Hemm lista ta’ każijiet li seħħew jew kienu żvelati matul l-erba’ snin li għaddew illi quddiemhom Busuttil deher riluttanti li jkun iebes...Toni Bezzina u l-iżvilupp taħt l-Imdina, Jason Azzopardi u l-każ tal-art tal-Lovenbrau, Beppe Fenech Adami u l-każ Capital One, li dwaru jirriżulta li hemm investigazzjoni u fl-aħħar u mhux l-inqas dawk in-nies li quddiem il-poplu bdew battalja ma’ Busuttil kontra l-iskema ta’ ċittadinanza però minn wara dahar il-poplu kienu qed jimpalaw l-ewri.
Fid-dawl ta’ dan il-kuntest kollu settur tal-poplazzjoni rraġunaw (tajjeb jew le) li ‘ħalliel’ b’’ħalliel’, jibqgħu b’dak il-‘ħalliel’ li miegħu qed igawdu. Forsi huwa argument li jilleġitimizza l-medjokrità vera, imma minkejja dan xorta huwa argument li sar u kien popolari.
2. “Mhux tajjeb sejrin?”
Wieħed mill-aktar fatturi li wassal biex eluf reġgħu għażlu lil-Labour kien l-idea iffurmat fl-argument illi ladarba nħass li l-pajjiż kien sejjer tajjeb u r-rota ekonomika kienet qed iddur, anke jekk mhux għal kulħadd ma kienx hemm bżonn li jinbidel il-Gvern.
Ħafna kienu dawk li la kellhom il-ħin u lanqas l-aptit li jippruvaw jifhmu l-intriċċi kumplikati ta’ ċerti stejjer u minflok rikbu mad-djalettika aċċettata minn prattikament Malta kollha, anke mill-PN, li ekonomikament il-pajjiż kien sejjer tajjeb, hawn sens ta’ ottimiżmu li se jmur aħjar u li se jkompli ġej ix-xogħol.
Minkejja li kienu ħafna dawk li qablu ma' Busuttil dwar il-kwistjoni Panama, djalettika partikolari li qabdet art kienet li għallinqas 'taħt il-Labour raħħsulna l-kontijiet, qed indawru lira, il-permess ħariġli...jekk dan korrott l-ieħor ukoll
“La sejrin tajjeb għalfejn għandna nbiddlu żiemel rebbieħ?” Naturalment din il-mistoqsija mibnija fuq is-suġġettivà, għax ‘sejrin tajjeb’ hija suġġettiva. Iżda din l-opinjoni ferm popolari setgħet qabdet tant art li saret universalment aċċettata, anke jekk mhux reali fis-saffi ta’ taħt.
3. “Il-Labour dejjaqni...imma Simon ma jogħġobni xejn”
Simon Busuttil huwa persuna li għamel sforzi kbar u ammirevoli biex jibni immaġini pożittiva tiegħu ta’ kap ta’ ispirazzjoni u li jista’ jsir PM. Sfortunatament imma, Busuttil baqa’ ħafna inqas ‘likeable’ mill-Prim Ministru.
Din hija xi ħaġa naqra diffiċli li tispjegaha għax hija idea mibnija kważi biss fuq l-emozzjoni. Imma mhux l-ewwel darba li rajna xi ħaġa bħalha sseħħ. Min-naħa tal-Partit Laburista, Alfred Sant ukoll donnu sabha diffiċli li jinżel tajjeb man-nies minn wara li rebaħ l-elezzjoni fl-1996.
Dan xehduh is-sondaġġi li kontinwament urew lil Sant inqas fdat u popolari minn Gonzi, anke meta kien hemm ċerta għejja u rabja lejn il-PN u Busuttil kontinwament inqas fdat u popolari minn Muscat, anke jekk kien hemm rabja lejn Gvern Laburista fuq il-kwistjoni Panama.
Apparti dan kollu iżda, jibqa’ fattur inkwetanti għall-PN u għal Simon Busuttil li f’erba’ snin u kważi, iktar u iktar, waqt il-kampanja elettorali kien baqa’ mhux ikkunsidrat bħala alternattiva vijabbli.
Ħafna ħassew li l-PN ma kien ippreparat assolutament xejn biex imexxi l-pajjiż u apparti ż-żelqiet fil-proposti, il-fatt li rriżulta b’mod ċar li l-PN lanqas programm elettorali ma kellu sa ġimagħtejn qabel l-elezzjoni u l-fatt li f’kull dibattitu Busuttil kien jiffoka biss fuq il-kwistjoni tal-governanza, ftit li xejn jitkellem dwar kwistjonijiet ta’ kuljum, bread and butter issues.
Il-kummenti ta’ Michael Briguglio, li lagħab parti pjuttost ċentrali fil-kampanja tal-PN, mat-Times l-għada tar-rebħa tal-PL kienet pjuttost indikattiva. Huwa qal li r-riżultat wera li għall-elettorat il-bread and butter issues għadhom importanti. Dan jista’ indirettament jiżvela illi kwistjonijiet bħax-xogħol, l-ekonomija, flus fil-but, andament tan-negozju, faqar, kirjiet għoljin, kompetizzjoni inġusta u inġustizzji kienu sekondarji għall-PN. Dan kien żball kbir, għax għan-nies dawn kienu u jibqgħu dejjem kwistjonijiet primarji.
Minkejja li l-PN għamel sew li tkellem u pprotesta u talab għar-riżenji fuq il-każ ‘Panama’, ma kkreax bilanċ biex għand il-familji jaslu wkoll il-patafjun proposti validi li għamel matul is-snin. Minkejja diversi rapporti u proposti, ħafna fil-kampanja elettorali kienu qed jistaqsu, “iva dan fuq il-Panama biss jitkellem?”
4. “Ma kontx se nivvota imma fl-aħħar qdewni...”
Wieħed ma jistax jissottovaluta s-saħħa ta’ dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘power of incumbency’, jiġifieri l-poteri li juża Gvern uxxenti biex iroxx pjaċiri jew isewwi inġustizzji li jibqgħu mhux irranġati. Naturalment dan mhux se jkun biżżejjed biex xorta tirbaħ b’38,000 vot minkejja li tkun tlift eluf minn xi mkien ieħor, imma jiswa biex tikkonsolida rebħa.
Mhux xi sigriet li Gvern Laburista kellu problema ta’ nukkleu ta’ votanti li ħassew li l-ilmenti tagħhom, ġustifikati jew le, baqgħu qatt ma kienu indirizzati. Fl-aħħar ġimgħat qabel jum l-elezzjoni kien hemm imbuttatura qawwija mill-PL biex dawn l-ilmenti jkunu indirizzati. Fi kliem ieħor, min ma kienx moqdi, inqeda.
Fl-aħħar ftit jiem jekk mhux ukoll sigħat kienu bosta dawk li ħassew illi il-fatt li l-ilment tagħhom kien mismugħ kienet raġuni biżżejjed biex jagħtu l-vot riluttanti tagħhom lill-PL.
Il-PN, biex tgħaxxaq, ma tantx għen lilu nnifsu biex jagħmel gwadann minn dan is-settur ta’ votanti, bi stqarrijiet bħal ‘Gvern tal-PN irid ikun labour proof’. Din kienet waħda mill-akbar żbalji tal-PN, għax bagħtet il-messaġġ illi għall-PN, ‘min mhux magħna kontra tagħna’. Dawk li kienu qed jistennew jew jittamaw li ssir ġustizzja magħhom allura beżgħu, forsi ġustament, li bil-PN fil-Gvern l-ilment tagħhom mhu se jinstema qatt.
5. ‘Li wiegħed wettqu...”
Argument u idea li qabdet ħafna art kien li Muscat wettaq ħafna minn dak li wiegħed, speċjalment fuq kwistjonijiet bħall-kontijiet tad-dawl u l-ilma u oħrajn bħat-twaqqigħ tal-Power Station tal-Marsa, qalba għall-gass u l-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili.
Dan ta lil Muscat iktar saħħa u kredibbilità meta jirrigwarda proposti u wegħdi li kienu qed isiru. Ħafna nies ħadu l-wegħdi ta’ Muscat bħala fatta, bħala wegħdi li jafu li fil-fatt se jitwettqu.
Busuttil ma kellux dan il-lussu, l-ewwel u qabel kollox għax qatt ma kien għadu esperjenza t-tmexxija tal-pajjiż.
6. “Joseph tana d-drittijiet...”
Għalkemm m’hemmx data li turi x’effett jista’ jkollu l-pink vote jew il-vot ta’ persuni LGBTIQ huwa ċar li Muscat għamel kapital assolut mill-fatt li Gvern Laburista daħħal l-Unjoni Ċivili u introduċa l-Liġi tal-Ġeneru, filwaqt li ml-PN astjena fuq tal-ewwel. U jidher ċar illi dan ħadem sew biex jikkonsolida l-vot favur Gvern Laburista.
Huwa ċarissimu mir-riżultat elettorali li dawk li ma bdewx jaraw wisq swidija ma qalux wisq pubblikament u fuq il-media soċjali, imma meta wasal ħin il-vot, għamlu fattihom
Muscat stess qabel l-elezzjoni kien stqarr illi “maġġoranza hija ħafna minoranzi flimkien.” Dan għarrfu u wettqu.
Wieħed ma jistax jissottovaluta l-emozzjoni u r-rabta familjari meta jqis voti li jmorru għand partit minħabba dritt partikolari li kien introdott. Jiġifieri jekk persuna LGBTIQ iżżewġet jew se tiżżewweġ u ħasset li kellha tivvota Labour primarjament fuq din il-kunsiderazzjoni, magħha probabilment ġibdet numru ta’ voti mill-qraba u l-ħbieb, li normalment kienu jivvutaw lill-PN.
F’pajjiż fejn il-lealtà lejn il-familja hija meqjusa bħala xi ħaġa importanti ħafna wieħed ma jistax jinsa li jidħol l-aspett ta’ 1) ‘Jien se nivvota lil partit X għax tani d-drittijiet tiegħi, kif ukoll 2) ‘Jien se nivvota lil partit X għax lil oħti/ħija/l-ġenituri/lill-ħabib/a tahom id-drittijiet li kienu ilhom jittalbu għalihom.
Dan mhux fenomenu ġdid u deher ċar ukoll fir-referendum dwar il-kaċċa, fejn ħafna minn dawk li ftit kien jimpurtahom mis-suġġett ivvotaw favur il-kaċċa minħabba l-emozzjoni u r-rabta familjari.
7. “Imma kollox sejjer ħażin?”
L-Oppożizzjoni xogħolha huwa li topponi u tkun kritika tal-Gvern. Minkejja dan l-istampa kostanti ta’ pajjiż riesaq lejn il-preċipizju ma kinitx riflessa fil-ħajja ta’ kuljum ta’ eluf ta’ votanti.
Allura kienet popolari l-idea li Busuttil u l-PN kien qed jara kollox iswed, kollox ħażin. Xi ħaġa li setgħet għoġbot lil uħud imma dejqet lil ħafna oħrajn jew inkella li ħafna oħrajn ma setgħux jirrelataw magħha għax kienu għaddejjin tajjeb jew għax in-negozju tagħhom fjorixxa matul is-snin.
Huwa ċarissimu mir-riżultat elettorali li dawk li ma bdewx jaraw wisq swidija ma qalux wisq pubblikament u fuq il-midja soċjali, imma meta wasal il-ħin tal-vot għamlu fattihom.