Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Thake sostna li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jieħu iktar azzjoni milli sempliċiment ibiddel it-tmexxija tal-Partit sabiex ilaħħaq mal-PL.
F'kummenti fil-paġna tiegħu ta' Facebook, il-kandidat Thake li falla milli jiġi magħżul mill-Eżekuttiv tal-istess Partit sabiex jiġi ċedut id-distrett tiegħu, biex ikun biċ-ċans li jiġi elett fl-elezzjonijiet każwali, qal li d-distakk mal-PL mhux se jkun qed jitneħħa b'tibdil fit-tmexxija tal-PN.
Thake sostna li hemm bżonn li, "jitneħħew numru ta' persuni li huma involuti direttament fit-tmexxija tal-partit u l-media, li jew mhumiex fit for purpose jew inkella għandhom il-kontroll u qed jimbuttaw lin-nies 'il bogħod."
Thake, li wkoll qal li mhux se jkun qed ikompli jxandar il-programm tiegħu fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit, qal li jeħtieġ li l-Partit ineħħi s-sens ta' arroganza u l-attitudni li huma n-nies li għandhom bżonn il-Partit.
"Il-politika mhix mossa tal-karriera, imma hija servizz li ħadd m'għandu xi poter jew pożizzjoni bi dritt," temm jgħid Thake waqt li sostna li deċiżjonijiet nofs triq mhux se jwasslu r-riżultati mixtieqa.