Il-Kandidat għat-tmexxija tal-PN sostna li hu totalment kontra il-bejgħ taċ-ċittadinanza. Hu kien parti minn intervista li dehret fuq il-'Business Observer' tal-bieraħ, illi fiha t-tliet kandidati għall-kariga ta' Kap tal-PN kienu intervistati dwar diversi suġġetti. Mistoqsi dwar l-iskema tal-IIP Delia saħaq li minn skema ta' investiment "li hija tajba u pożittiva, din inbidlet fi skema ta' bejgħ ta' ċittadinanza, li hija kompletament differenti." F'dan il-punt Delia sostna li dan huwa totalment differenti u li "l-pożizzjoni tiegħi hija totalment kontra il-bejgħ taċ-ċittadinanza u favur impjiegi ta' kwalità."
Din il-pożizzjoni hija differenti minn dik tal-Kap uxxenti Simon Busuttil, li minkejja li kien ħareġ qatta bla ħabel kontra l-istess skema, fil-kampanja elettorali kien sostna li l-PN iżomm tali skema imma jtejjibha jew iwettaq tibdiliet fiha. Pożizzjoni li kienet aktar riflessa f'dak li qal Chris Said li fl-istess intervista sostna li l-iskema tista tkun mtejba "billi naraw li dawk li jixtru ċ-ċittadinanza ikollhom obbligu li jinvestu b'mod ġenwin fi-pajjiż, "mhux sempliċiment permezz ta' bonds li jistgħu jinbiegħu imma investiment li joġloq ix-xogħol.
Intant anke Alex Perici Calascione esprima lilu nnifsu kontra din l-iskema u għalkemm ammetta li saru tibdiliet fil-kunċett tagħha, l-IIP għadu "moħbi f'ħafna misteri bil-Gvern jirrifjuta li jippublika l-lista ta' dawk li qed jingħataw iċ-ċittadinanza."