'Hawn inkwiet dwar klikek ta’ barranin kriminali li qed jitterrorizzaw lir-residenti'
Frank Psaila u Andrew Azzopardi, ma jaqblux mal-kandidat għall-Kap tal-PN Frank Portelli dwar l-immigrazzjoni, imma...
minn Liam Carter
Mistoqsi minn din il-gazzetta fuq il-kummenti kontroversjali li għamel il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Frank Portelli l-ġimgħa l-oħra fuq Dissett, Frank Psaila xandar fuq il-midja tal-PN stqarr li, allavolja ma jaqbilx mas-soluzzjoni ta’ Frank Portelli, il-kummenti li qajmu kontroversja ġewwa pajjiżna skontu, huma sentimenti reali.
Psaila stqarr li l-problema tal-immigrazzjoni u l- multikulturaliżmu ċertament mhumiex problemi li faqsu f’leħħa ta’ berqa, iżda li għal tul ta’ żmien ma ngħatawx l-attenzjoni meħtieġa. Psaila ddeskriva dan bħala “sitwazzjoni allarmanti.”
“In-nies inkwetati kif klikek ta’ barranin kriminali qed jagħmlu ħerba u jitterrorizzaw lir-residenti ta’ lokalitajiet bħalma huma l-Marsa, Buġibba, San Pawl il-Baħar, is-Swieqi, Tas-Sliema u San Ġiljan”
L-ILLUM tkellmet ukoll mal-Professur u Dekan fl-Università ta’ Malta Andrew Azzopardi, li saħaq li allavolja ma jaqbilx ma’ Portelli, huwa xorta waħda stat ta’ fatt li l-affarijiet li tkellem fuqhom Portelli fosthom l-immigrazzjoni u l-multikulturaliżmu ċertament qegħdin fuq moħħ diversi Maltin. Azzopardi stqarr, li l-kummenti ta’ Portelli huma suġġett li “ta’ spiss jiġi diskuss fil-privat bejn bosta ċittadini Maltin.”
Min-naħa l-oħra Psaila rrimarka li bosta istituzzjonijiet fil-pajjiż għandhom jerfgħu parti minn din il-ħtija ta’ din is-sitwazzjoni preżenti.
“Taħti għal din is-sitwazzjoni l-id laxka tal-ġustizzja, in-nuqqas ta' infurzar mill-pulizija - li huma xotti mill-għodod u l-intelligence biex jikkumbattu din ix-xorta ta' kriminalità u d-dħul f'pajjiżna ta' kriminali barranin mingħajr skrutinju neċessarju.”
Għaldaqstant, Psaila stqarr li din is-sitwazzjoni sfortunatament qiegħda titfa’ dell ikrah fuq dawk l-immigranti f’pajjiżna, il-maġġoranza nies tal-affari tagħhom. Għalhekk Psaila jemmen li din il-kwistjoni tmur lil hinn minn Frank Portelli, u nies tal-istess fehma.
“Din il-kwistjoni jeħtiġilha soluzzjoni. Le, is-soluzzjoni mhix li tibda titfa’ lil kulħadd ’il barra. Tkun qed twebbes il-faħam fin-nirien.”
Min-naħa l-oħra Azzopardi stqarr li jeħtieġ ikun hemm sforz kollettiv biex neqirdu differenzi u firdiet bejn kulturi u popli differenti ġewwa pajjiżna.
Dwar dan Frank Psaila jemmen li s-soluzzjoni hija waħda: “Is-soluzzjoni hi li gvern, oppożizzjoni, soċjetà ċivili, NGOs jiġu flimkien u, wara li jammettu li l-politika ta' multikulturaliżmu f'pajjiżna falliet, jaraw kif se jerġgħu jibnu l-pedamenti. Imma sakemm l-istituzzjonijiet f'pajjiżna jibqgħu dgħajfa, sakemm il-mentalità tal-gvern tkun li kollox jgħaddi, is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar, mhux tirranġa ruħha.”
Meta mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ suċċess li l-kandidati u partiti politiċi tal-lemin jiksbu ġewwa pajjiżna, Azzopardi tenna jgħid li allavolja n-nies ma jivvutawx għal kawża tal-lemin dan ma jfissirx li mhumiex favur dawn il-kwistjonijiet. “Billi ma tivvotax ma jfissirx li ma temminx u billi tivvota ma jfissirx li temmen “
Id-dekan hawnhekk, għamel paragun għall-iżviluppi riċenti fil-liġi ta’ Malta fejn ġie introdott żwieġ bejn il-kopji tal-istess sess, u sostna li minkejja li dan l-għadd għadda b’maġġoranza fil-parlament ma jfissirx li m’hemmx elementi sostanzjali fis-soċjetà’ Maltija li huma kontra.
Minkejja dan id-Dekan irrimarka li Portelli jinsab maqbud f’punt ta’ transizzjoni rari. Azzopardi jemmen li barra mill-opportunità biex issir Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, Portelli għandu missjoni personali sabiex jagħti vuċi lil ċertu kwistjonijiet li l-Partit Nazzjonalista abbanduna.
Azzopardi tenna jgħid li l-politiċi għandu jkollhom sens ta’ responsabbilità li jitkellmu , jaġixxu u jimxu b’kawtela kbira sabiex ma jispiċċawx jirrappreżentaw faxxa waħda tas-soċjetà Maltija.
Rigward it-tellieqa għall-kap tal-Partit Nazzjonalista, Psaila stqarr li kien jippreferi kieku l-PN fassal iktar pjanijiet u eżerċizzji ta’ skrutinju fuq il-kandidati allavolja fl-istess waqt Psaila stqarr ukoll li skont hu l-kandidati kollha għall-Kap tal-partit huma tal-affari tagħhom.
Matul il-ġimgħa l-PN ħareġ stqarrija li fiha kkundanna l-kummenti ta’ Frank Portelli u appella u wissa għal iktar attenzjoni biex kull kandidat jeżerċità l-valuri u l-prinċipji mniżżla fl-istatut tal-partit.