Il-Whip u Deputat tal-Partit Nazzjonalista David Agius tefa’ n-nomina tiegħu għal Viċi Kap tal-partit għall-Affarijiet tal-Parlament. Dan wara li f’sezzjoni tal-midja intqal li kienet qed issirlu xi pressjoni biex ma jikkontestax u jħalli dan il-post lil Chris Said.
Ikkuntattjat mill-ILLUM ilbieraħ, David Agius ċaħad li saritlu xi forma ta’ pressjoni jew li ma kienx se jikkontesta. Minflok fakkar li kien fadallu iż-żmien.
Persuni fil-Partit Nazzjonalista kkonfermaw mal-ILLUM li saret pressjoni mill-kamp ta’ Chris Said fuq David Agius biex ma jikkontestax għal din il-kariga.
Dan hekk kif Edwin Vassallo, li qed jikkontesta għall-istess kariga diġá stqarr li lest iċedi lil Said jekk ikun interessat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien qal li jara li Chris Said għandu x’joffri u li jaħseb li għandu jikkontesta għal kariga fil-partit.
Fil-midja kien qed jingħad li Chris Said kien interessat li jikkontesta għal waħda miż-żewġ karigi ta’ Viċi Kapijiet tal-partit sakemm ma jkunx ikkontestat.
Delia iżda kemm il-darba qal li l-karigi għandhom jiġu kkontestati kollha għaliex għandu jkun proċess miftuħ u demokratiku.
Fil-ġranet li għaddew bdew il-kampanja tagħhom Edwin Vassallo u Robert Arrigo, li wkoll qed jikkontestaw għall-karigi ta’ Viċi Kapjiet tal-Partit Nazzjonalista.
Ta' Arrigo hija l-unika nominazzjoni għal Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit, għalkemm mill-kamp ta' Adrian Delia kienu qed jistennew li Clyde Puli jitfa’ n-nomina tiegħu għal din il-kariga.
Clyde Puli fuq Facebook stqarr li mhux se jikkontesta din in-nomina biex iħalli spazju lil oħrajn li qabel l-elezzjoni għal Kap ġdid kellhom fehma differenti iżda xorta lesti li jaħdmu ma’ Delia b’lealtá.
Iż-żmien għan-nomini tal-karigi se jagħlaq aktar tard illum fis-6pm. L-elezzjoni għal Viċi Kapijiet tal-PN se ssir fl-4 ta' Novembru li ġej.