Ingħata bidu għal ‘screening’ nazzjonali għall-awtiżmu fost tfal ta’ 18-il xahar.
Dan l-iscreening għandu l-għan li jidentifika minn kmieni l-ewwel sintomi tal-awtiżmu.
Il-proġett beda minn wieħed pilota li minnu diġà ġew ittestjati 1,500 tarbija li 200 minnhom kellhom bżonn ta’ approfondiment.
L-iscreening qed isir b’ħidma bejn il-Ministeri għas-Saħħa u l-Edukazzjoni. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li t-taqsima tal-Assessjar tal-Iżvilupp tat-Tfal (CDAU) taħdem mill-qrib ħafna mas-servizzi edukattivi għall-ġid tat-tfal.
Qal li matul din is-sena daħal fis-seħħ ‘screening’ ieħor fuq it-trabi biex jiċċekkjaw it-tyhroid. Fearne qal li din is-sena se jiddaħħal ‘screening’ ieħor fit-trabi għall-kundizzjoni tal-phenylketonuria.
Min-naħa tiegħu l-Ministu Evarist Bartolo qal li l-ewwel 1,000 ġurnata fil-ħajja ta’ tarbija huma ġranet fundamentali fl-iżvilupp tal-ulied u għalhekk huwa importanti li t-tfal isirilhom ‘screening’ biex jibdew jingħataw l-għajnuna fejn ikun hemm bżonn minn kmieni.