Jistennew il-'mument opportun' u l-persuna li lesta titlob vot sigriet

  • Id-deputati ‘ribelli’ qed jistennew lil xi ħadd ‘kuraġġuż’ biżżejjed li jitlob vot sigriet dwar Delia
  • Jemmnu li Adrian Delia m’għandux fibra morali biex imexxi

Fil-kurituri tal-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista qed jinħema pjan li lest li jiskatta minn grupp ta’ deputati ‘ribelli’ li akkost ta’ kollox ma jridux aktar lil Adrian Delia.

Dan il-pjan, dejjem jekk ikun hemm min hu lest li jiskattah, għandu ‘ħin’ li jidher li huwa determinat diġà u skont is-sorsi qrib ir-‘ribelli’ dan għandu jkun qabel l-elezzjonijiet għall-Viċi Kapijiet tal-partit li se jsiru fit-18 ta’ Novembru li ġej u qabel ma tikkalma r-rabja u l-furur wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Is-sit elettroniku, illum.com.mt diġà rrappurta kif sorsi għolja fil-Partit Nazzjonalista qalulna li huwa mistenni li r-‘ribelli’ jitolbu vot sigriet meta jkunu miġbura f’xi laqgħa tal-Grupp Parlamentari, hekk kif qed iħossu li għandhom il-maġġoranza tad-deputati warajhom.

Għalkemm qatt ma saret, fl-istatut tal-partit ma hemm xejn li jeskludi l-possibilità li jittieħed vot sigriet, iżda kollox issa jiddetermina meta u min hu lest li jagħmel il-pass u jitlob lill-Whip biex dan jittieħed.

Ir-‘ribelli’ mċanfra minn dawk favur Delia talli ma jridux l-għaqda tal-Partit

Is-sorsi għolja fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu mal-ILLUM qalu li l-għan aħħari ta’ mossa bħal din hija biex il-partit iżomm il-fibra morali, u speċjalment għaliex ma jistax jirkeb u jidher fuq quddiem fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet u protesti wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, li fil-blogg tagħha kienet għamlet allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Delia.

“Kif nistgħu bħala partit f’sitwazzjoni politika quddiemna daqstant tal-biża’ ma nistgħux norganizzaw attività tan-nies għax Delia ma jistax jidher? Suppost bħalissa qegħdin nidhru fl-aqwa tagħna bl-attivitajiet li norganizzaw. Tlifna l-‘moral high ground’ ”, sostna wieħed mis-sorsi li tkellem mal-ILLUM u li ma jridx lil Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Għalhekk ukoll din il-pjan jidher li f’dan l-istadju tpoġġa momentarjament fuq l-ixkaffa għalkemm mhux eskluż li l-‘ħin’ li jiskatta huwa fil-qrib. Id-deputati ‘ribelli’ qed iħossu li għandhom obbligu Kostituzzjonali li jieħdu xi forma ta’ pożizzjoni għaliex għandhom warajhom il-voti tan-nies li eleġġewhom fil-Parlament.

Kollox iżda jinsab fi status quo wara laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li saret il-Ħamis fejn matulha r-‘ribelli’ ġew imwiddba minn dawk li huma ma’ Delia li l-partit irid ikun magħqud wara l-Kap il-ġdid.

Matul din il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, li kienet waħda ferm imqanqla u li damet sa tard bil-lejl, dawk li apertament jagħtu l-appoġġ lil Adrian Delia ċanfru lil uħud mid-Deputati Parlamentari preżenti għaliex iqisu li f’dan il-mument il-partit irid ikun wieħed magħqud, speċjalment wara t-telfa elettorali u meta issa hemm Kap ġdid.

Intqal li l-‘leaks’ fil-midja jridu jintemmu u li r-‘ribelli’ għandhom jieqfu jużaw il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia biex jimbuttaw ’il quddiem voti jew mozzjoniijet kontra l-Kap tal-Partit.

15-il deputat ma jattendux l-aħħar laqgħa tal-Grupp Parlamentari

Hija ċara li hemm deputati fil-Grupp Parlamentari li ma jridux jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Adrian Delia, b’uħud minnhom jgħidu fil-pubbliku u juru d-diżapprovazzjoni tagħhom.

Dan meta bosta Nazzjonalista huma tal-fehma li Adrian Delia għandu jingħata ċ-ċans li akkwista bi dritt, wara li rebaħ l-appoġġ tal-maġġoranza kemm tal-Kunsilliera kif ukoll tat-tesserati tal-partit.

Deputati ilhom juru d-diżapprovazzjoni tagħhom saħansitra minn ftit jiem qabel li Delia ġie elett kap waqt l-attivitajiet tal-Indipendenza fuq il-fosos tal-Floriana.

Dakinhar numru ta’ deputati għażlu li ma jkunux miegħu fuq il-palk waqt li jindirizza lill-folla. Ġie rrappurtat ukoll li ma ridux li jkunu miegħu lanqas li kieku Delia kien se jattendi l-protesta fil-Belt Valletta tal-Ħadd li għadda.

Fl-aħħar laqgħa tal-Grupp Parlamentari fid-Dar Ċentrali l-Ġimgħa li għadda, numru ta’ deputati fosthom Beppe Fenech Adami, Claudio Grech u Marthese Portelli għażlu li ma jattendux għal-laqgħa. Minn 28 attendew 13-il deputat.

Ir-‘ribelli’ ilhom juru li ma jridux lil Delia

Li Delia ma jgawdix appoġġ tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari dehret ukoll meta kellu jsib postu fil-Parlament. Kellu jkun Jean Pierre Debono, li f’mossa tal-aħħar minuta, ċeda s-siġġu tiegħu biex Delia jkun jista’ jaqdi l-obbligi tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni wkoll.

Dan wara numru ta’ diskussjonijiet li saru ma’ numru ta’ deputati li ma ħallew l-ebda riżultat pożittiv.

Bil-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti jivvutaw f’vot sigriet kontra Adrian Delia, jkun ifisser li l-għada tal-vot titressaq mozzjoni bil-miktub lill-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca biex ma jibqax aktar Kap tal-Oppożizzjoni u tinħatar persuna oħra minfloku. Dan skont kif titlob il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

L-ILLUM hija infurmata li l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista trid li Kap tal-Oppożizzjoni jerġa’ jkun l-eks Kap Simon Busuttil.

More in Politika