Occupy Justice jsostnu li l-PM huwa ultimament responsabbli għall-qtil ta’ DCG

  • Attivisti mill-Occupy Justice jiltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat f'Kastilja
  • Jerġgħu jitolbu r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali 

Attivisti mill-Occupy Justice ltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministri Owen Bonnici, Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia f’Kastilja. Matul din il-laqgħa, l-attivisti talbu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u tal-Avukat Ġenerali Peter Grech, wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-istess talba saret mill-Oppożizzjoni kif ukoll mis-Civil Society Network waqt il-protesti li saru fil-jiem li għaddew fosthom ukoll quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Sostnew li kemm il-Kummissarju kif ukoll l-Avukat Ġenerali jmisshom ilhom li rriżenjaw u li huwa d-dmir tal-Istat u l-awtoritajiet li joħolqu ambjent fejn il-ġurnalisti jaħdmu mingħajr periklu għalihom infushom.

F’Kastilja, l-attivisti qraw stqarrija fejn talbu lill-Prim Ministru jisma’ l-vuċi tal-poplu li qed jiġġieled għall-ġustizzja u jassigura li l-Kostituzzjoni, id-drittijiet u l-prinċipji li hemm fiha jkunu rispettati fl-interess tal-poplu kollu.

Sostnew li l-qtil ta’ Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru juri li hawn sistema f’Malta li qed tikkollassa u li l-Prim Ministru għandu jġorr ir-responsabbilitá tat-tnaqqir tas-saltna tad-dritt.

Sostnew li minflok rawh juża l-pożizzjoni tiegħu biex jaħtar lil min jissimpatizza mal-Gvern fil-parti l-kbira tal-pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet. L-attivisti qalu li pajjiżna huwa mifrud, li l-mibgħeda daħlet sew u l-politiċi huma responsabbli.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb li l-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali jistgħu jirriżenjaw biss jekk ikun hemm il-kunsens tal-maġġoranza. Qal li mhemmx bażi legali, politika jew morali għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali.

Sostna li ma jaqbilx mad-deskrizzjoni tal-istat li jinsab fih il-pajjiż li wasslu l-attivisti tal-Occupy Justice u li jrid jara li l-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia jissolva.

L-attivisti tal-Occupy Justice kienu talbu għal-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt jiem ta’ dimostrazzjoni, fejn matulhom ikkampjaw quddiem Kastilja.

Kelliem għall-Prim Ministru qal li l-attivisti ma laqgħux l-istedina tal-Prim Ministru li jibqgħu jiddiskutu miegħu wara li l-midja telqet. Sostna li l-attivisti ma kellhomx aktar xi jżidu għad-diskussjoni wara li qraw stqarrija quddiem il-kameras.

More in Politika