Il-KE tikkonferma s-'surplus' u t-tkabbir ekonomiku

Il-Kummissjoni faħħret il-miżuri ekonomiċi tant li qalet li l-ekonomija se tkompli tikber matul is-sena d-dieħla wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li Malta għamlet surplus matul din is-sena.

Mit-tbassir ekonomiku għall-ħarifa tal-Kummissjoni, li jsir fuq il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li sal-aħħar tal-2017, Malta se tkun għamlet surplus ta’ 0.9% tal-Prodott Gross Domestiku.

Dan it-tbassir jindika li matul is-sena d-dieħla, wara li jidħlu fis-seħħ il-miżuri tal-baġit, se jkun hemm surplus fiskali sa’ 0.5% tal-Prodott Gross Domestiku.

Il-Kummissjoni Ewropea faħħret il-miżuri ekonomiċi li qed twettaq Malta tant li qalet li l-ekonomija se tkompli tikber matul is-sena d-dieħla wkoll.

Matul din is-sena, il-Prodott Gross Domestiku reali kien jammonta għal 6.3% matul l-ewwel nofs tas-sena u se jkun qed jammonta għal 5.6% għas-sena kollha. Dan huwa tkabbir akbar minn dak tas-sena li għaddiet. 

Fit-tbassir tagħha, l-Kummissjoni Ewropea qed tara li l-konsum privat se jkun il-fattur ewlieni għat-tkabbir li huwa mistenni s-sena d-dieħla.

Dan hekk kif il-popolazzjoni se tikber speċjalment bil-barranin li qed jaħdmu f’pajjiżna u għalhekk biż-żieda wkoll tad-disponibbilità tad-dħul.

Matul is-sena 2018, is-settur tal-kostruzzjoni se jkompli jikber filwaqt li l-esportazzjoni se tiżdied.

Il-Kummissjoni tqis li r-rilokazzjoni ta’ kumpaniji li joffru servizzi finanzjarji mir-Renju Unit lejn Malta minħabba l-Brexit se jkomplu jżidu fit-tkabbir ekonomiku, b’mod speċjali fl-2019.

More in Politika