Minn Ottubru, aktar minn 80,000 persuna ħadu t-tilqima tal-influwenza mill-isptar Mater Dei u miċ-ċentri tas-saħħa.
Għal din is-sena, id-Dipartiment tas-Saħħa ordna 20,000 tilqima aktar mis-snin ta’ qabel u b’hekk għal din is-sena ġew ordnati 100,000 vaċċin.
Min-nhar it-Tnejn li ġej se jibdew jitqassmu t-tieni kunsinna tal-vaċċin, li tingħata bla ħlas.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li milli qed jidher f’pajjiżi barranin bħall-Awstralja u New Zealand, l-influwenza se tkun waħda kiefra.
Qal li l-fatt li bosta persuni tlaqqmu jfisser li huma konxji u qed jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom u l-familji tagħhom.