Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, inawgura l-proġett tal-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro. Dan huwa wieħed minn diversi inizjattivi li jkompli jibni fuq il-miri u l-impenn ta’ dan il-Gvern fil-qasam tal-isport.
Dan jixhed mill-budget 2018 li ġie ppreżentat ftit tal-ġimgħat ilu fejn kien hemm żieda sostanzjali fil-vot kapitali tal-isport li għall-ewwel darba, minn €2.7 miljun żdied għal €8.1 miljun u li dan ser jirriżulta f’aktar proġetti fil-qasam tal-isport. Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa kburi li llum qiegħed jinawgura din ‘id-dar il-ġdida’ għall-isportivi tad-dixxiplina tal-basketball filwaqt li sostna li dan huwa proġett importanti għall-komunità sportiva b’mod ġenerali.
Il-Prim Ministru fisser kif il-kliem li jingħad dwar surplus ekonomiku u l-importanza tiegħu, illum qed narawh jissarraf fil-prattika billi qed naraw proġetti ta’ fejda jitwettqu, f’dan il-każ għall-isportivi tal-basketball.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li dan il-proġett ffinanzjat minn SportMalta kien fost il-wegħdi elettorali u miżura tal-Budget 2017, li dan il-Gvern wettaq sabiex dawk id-dilettanti tal-basketball ikunu jistgħu jippratikaw l-isport tagħhom f’ambjent modern. Fi kliem is-Segretarju Parlamentari Grima, dan il-proġett tal-Padiljun tal-Basketball ġie trasformat f’ħin rekord sabiex ma jiġix imtellef il-kampjonat lokali. Pjanar tajjeb bejn SportMalta u l-MBA ra x-xogħol jibda appena intemm l-istaġun li għadda u jitlesta għal l-istaġun li ġej. Dan minħabba l-ammont enormi ta’ fixtures ta’ loghob li jsiru f’dan il-post.
Il-ħitan kollha tal-madwar u anke is-saqaf ġew mibdula, sar xogħol fid-dawra tal-art tal-Padiljun, sistemi ta’ ventilazzjoni li tgħin fl-arja tal-post, showers u toilets ġodda għal pubbliku b’attenzjoni wkoll għal persuni b’diżabilità, imħażen ġodda għall-Assoċjazzjoni u tarmac ġdid mad-dawra tal-post. Fl-istess waqt dan ix-xogħol jikkumplimenta ma’ inizjattivi li ilha tieħu l-MBA fl-aħħar snin li kienet proattiva fl-investiment tagħha.
Dan huwa l-ewwel fażi tal-proġett u fi żmien li ġej il-Gvern permezz ta’ SportMalta ser ikun qed jgħin sabiex jitlesta xogħol infrastrutturali ieħor fid-dressing rooms, fil-gymnasium, fl-uffiċini u fil-board room fost l-oħrajn. B’dan l-investiment Malta għandha padiljun ta’ livell internazzjonali li mhux biss jospita logħob u tournaments ta’ livell nazzjonali iżda post li ser jintuża għal Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li Malta ser tospita fl-2023.
Għal din l-inawgurazzjoni kienu preżenti wkoll il-Kelliem għall-Isport tal-Partit Nazzjonalista David Agius, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dr Frank Fabri, l-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Dr Chris Bonett; il-President tal-Malta Basketball Association is-Sur Paul Sultana u l-Viċi-President tal-International Basketball Federation (FIBA) tal-Ewropa s-Sur Cyriel Coomans.