Sant jitlob lill-KE tirrevedi r-regoli tal-għajnuna statali għas-settur bankarju

Alfred Sant staqsa jekk il-Kummissjoni għamlitx analiżi dwar l-effettività tar-regoli tal-għajnuna statali lill-banek

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant talab lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi r-regoli tal-għajnuna tal-istat għas-settur bankarju u jekk għamlitx analiżi dwar l-effettività tar-regoli tal-għajnuna statali lil dan is-settur.

Alfred Sant staqsa wkoll jekk il-Kummissjoni hix qed tikkunsidra li tirrevedi l-pożizzjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna tal-istat fuq il-banek u meta hi ppjanata li tagħmel din ir-reviżjoni.

Il-ġimgħa l-oħra Alfred Sant iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-BOV dwar l-impatt tar-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni (BRRD) fuq banek żgħar fl-Ewropa.

Konklużjoni li ħarġet minn din l-informazzjoni hija li l-politika ta’ ‘one-size-fits-all’ għandha impatt negattiv fuq il-banek iż-żgħar, mhux biss f’Malta imma wkoll f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal fil-Portugall u l-Ġermanja.

Sant qal li fl-2013 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stqarrija fuq l-applikazzjoni tal-għajnuna statali li tappoġġja miżuri favur il-banek fi kriżi finanzjarja.

Minn dakinhar il-Kummissjoni addottat numru ta’ regoli għas-settur bankarju, b’mod partikolari il-BRRD li tfassal qafas għall-awtoritajiet biex jimmaniġjaw il-fallimenti bankarji b’mod effettiv.

More in Politika