Busuttil u Borg fost il-kandidati potenzjali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Kelliem għall-PN ikkonferma mal-ILLUM li ma ġie approvat ħadd u li l-proċess għadu se jibda

Kelliem għall-Partit Nazzjonalista stqarr mal-ILLUM li l-partit għadu se jibda l-proċess li bih japprova l-kandidati li f’ismu se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni biex jiġu eletti l-membri tal-Parlament Ewropew.

Din l-elezzjoni għall-MEPs se tkun qed issir fl-2019.

Hekk kif fil-mezzi soċjali fosthom fil-Facebook bdew jitfaċċaw stqarrijiet minn persuni li qalu li jinsabu disposti li jikkontestaw din l-elezzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, l-ILLUM staqsa jekk hux minnu li diġà ġew approvati xi kandidati.

Il-Kelliem għall-PN qal li huwa minnu li hemm persuni li esprimew din ix-xewqa privatament, iżda għaldaqstant sal-lum għadu ma ġie approvat ħadd.

Fost il-persuni li pubblikament fil-mezzi soċjali qalu li jridu jikkontestaw din l-elezzjoni hemm l-MEP preżenti Francis Zammit Dimech u l-preżentatur u opinjonista Frank Psaila.

Persuni oħra fil-Partit Nazzjonalista li ssemmgħu li potenzjalment jistgħu jkunu kandidati hemm l-eksKap Simon Busuttil u l-eksKummissarju Ewropew Joe Borg u l-Kunsillier ta’ Tas-Sliema Michael Briguglio.

L-ILLUM tinsab infurmata li fix-xhur li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed javviċina person li jistgħu jkunu potenzjalment kandidati għal din l-elezzjoni, li se tkun l-ewwel appuntament politiku għall-partit wara l-elezzjoni ġenerali ta’ din is-sena.

More in Politika