Il-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri ltaqgħu mad-delegazzjoni ta' Membri Parlamentari Ewropej (MPE) li qegħdin f'Malta biex jiddiskutu s-saltna tad-dritt f'pajjiżna. id-delegazzjoni qed titmexxa mill-MPE Ana Gomes.
Muscat, filwaqt li tefa' dubju dwar l-użu tal-istess missjoni, qal li l-Gvern m'għandux x'jaħbi u għalhekk kien dispost li jiddiskuti mal-MPE. Muscat qal li ħafna mill-informazzjoni li kienet qed tasal għand l-MPE kienet fil-fatt parzjali u dan wassal biex inħolqot stampa li mhux neċessarjament hija vera, tas-sistema tal-ġustizzja f'pajjiżna.
"Ladarba m'għandna xejn x'naħbu, se ningaġġaw magħkom u qed ninkoraġġixxu oħrajn biex jagħmlu l-istess." Dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Muscat sostna illi l-Gvern għandu kull interess li jara illi dan il-każ ikun solvut. Huwa qal illi l-investigazzjonijiet qed ikunu mmexxija minn uffiċjali indipendenti, li ma kinux magħżulin minnu. "Jiena lest li nagħti aktar informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin," sostna Muscat.
Gomes qalet illi ġiet Malta biex titkellem ma' diversi interlokaturi u tiġbor informazzjoni dwar il-ġlieda tal-pajjiż kontra l-kriminalità organizzata. "Ninsabu kkonċernati li Malta għadha m'implimentatx id-direttivi dwar il-ħasil ta' flus...hemm diversi rapporti imma ma sarux prosekuzzjonijiet," kompliet tgħid Gomes.
Gomes, li hija MPE f'isem il-Grupp ta' Soċjalisti u Demokratiċi (S&D), qalet illi minkejja miżuri pożittivi, dawn kellhom jitħaddmu iktar fil-prattika biex ma tibqax l-idea li l-poter huwa kkonċentrat f'qafas wieħed.
Id-delegazzjoni tinsab hawn wara riżoluzzjoni li kienet adottata f'Novembru u li tikkonċerna s-saltna tad-dritt, wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.