Milqugħ proviżorjament il-mandat ta' inibizzjoni tal-Air Malta kontra l-unjin tal-bdoti

F’digriet dalgħodu, l-Imħallef Toni Abela laqa’ proviżorjament dan il-mandat u b’hekk il-każ issa se jkompli fil-Qorti

Ritratt | Air Malta
Ritratt | Air Malta

Il-Qorti laqgħet proviżorjament mandat ta’ inibizzjoni li sar mill-Air Malta kontra l-unjin tal-bdoti l-ALPA.

Ilbieraħ il-linja nazzjonali tal-ajru ressqet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-ALPA biex il-bdoti ma jieħdux sehem f’azzonijiet industrijali u li se żżomm il-unjin responsabbli għad-danni li hija ssofri b’dawn l-azzjonijiet.

F’digriet dalgħodu, l-Imħallef Toni Abela laqa’ proviżorjament dan il-mandat u b’hekk il-każ issa se jkompli fil-Qorti.

L-ALPA tinsab f’diżgwid industrijali mal-Air Malta wara li 91% tal-membri tagħha vvutaw favur li jittieħdu azzjonijiet industrijali fil-konfront tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Il-vot ittieħed wara li impjegat tal-Air Malta, li huwa wkoll membru tal-ALPA, allegatament kien mhedded u intimidat.

Ġie rrappurtat li dan l-allegat theddid sar waqt argument bejn il-Flight Operations Chief tal-Air Malta meta dan staqsa għall-‘operations manual’ lil First Officer aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet.

L-Air Malta qed tinsisti li din mhix kwistjoni dwar il-pakkett tal-pagi li tressaq lill-bdoti u li azzjonijiet bħal dawn mill-ALPA jagħmlu ħsara kbira lil-linja nazzjonali tal-ajru.

More in Politika