Il-Mediterran qed isir iċ-ċimiterju għal eluf ta’ immigranti kull sena

Il-maġġoranza tal-immigranti irregolari jaslu fl-Ewropa mill-Mediterran bi vjaġġi bid-dgħajjes li jitilqu mil-Libja lejn l-Italja

Ir-rotta bil-baħar fil-Mediterran mil-Libja sa Malta jew l-Italja kienet l-aktar rotta perikoluża għall-immigranti irregolari matul l-2016. Dan jirriżulta mir-rapport annwali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) għall-2018.

Minn dan ir-rapport jirriżulta li matul l-2016, aktar minn 180,000 immigrant irregolari waslu l-Italja mil-Libja bid-dgħajjes jew żieda ta’ 16% fuq is-sena ta’ qabel. Din ir-rotta hija l-aktar waħda perikoluża u fatali b’aktar minn 4,500 jitilfu ħajjithom fil-baħar.

Il-maġġoranza tal-immigranti irregolari jaslu fl-Ewropa mill-Mediterran bi vjaġġi bid-dgħajjes li jitilqu mil-Libja lejn l-Italja jew inkella mit-Turkija lejn il-Greċja mill-baħar Eġew.

Matul l-2016, madwar 390,000 persuna waslu fl-Ewropa mir-reġjun tal-Mediterran kemm bl-art kif ukoll bil-baħar, filfatt minnhom kienu 360,000 dawk li waslu bil-baħar. Wara l-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, il-wasliet fil-Greċja naqsu drastikament u kienu jammontaw għal 170,000 matul l-2016.

Għat-tielet sena konsekuttiva, it-Turkija reġgħet kienet l-aktar pajjiż li laqa’ immigranti fid-dinja bi 2.9 miljun fil-maġġoranza tagħhom Sirjani. Il-kunflitt f’dan il-pajjiż, li ma jrid jintemm qatt, wassal biex it-tieni u t-tielet l-aktar pajjiżi b’immigranti wara t-Turkija jkunu l-pajjiżi qrib il-Ġordan u l-Libanu rispettivament.

Huwa biss meta l-immiganti jitkejlu man-numru tal-popolazzjoni li Malta u l-Iżvezja jsibu posthom fost l-aktar għaxar pajjiżi li għandhom immigranti irregolari, b’Malta tasal fid-disa’ post.

Ir-rapport tal-IOM jelenka wkoll numru inizjattivi li saru minn għaqdiet mhux governattivi biex jippruvaw isalvaw aktar ħajjiet mill-baħar, speċjalment hekk kif ġie kkonfermat li r-rotta tal-Mediterran hija l-aktar waħda fatali.

L-IOM tgħid li fondazzjoni li hija bbażata f’Malta, li tassisti lill-immigranti, għamlet użu minn drones biex tissorvelja l-baħar permezz ta’ ‘day and night optics’ li kienu mgħammra d-drones.

Dawn kienu qed jibagħtu lura stampa b’riżoluzzjoni għolja tax-xenarju li l-kameras kienu qed jaraw. L-IOM tgħid li 40 miljun persuna kellhom jitilqu minn pajjiżhom u jmorru f’pajjiż ieħor minħabba l-kunflitti u l-vjolenza.

Sa mill-2003, il-kunflitti u l-vjolenza waslu biex ikun hawn medja ta’ 5 miljun persuna li jitilqu pajjiżhom biex isibu ħajja aħjar f’pajjiż ieħor li jilqagħhom. Ir-rapport tal-IOM jikkonkludi li l-kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni baqgħu ta’ prijorità fl-aġenda Ewropea matul is-snin 2016 u 2017 u ġew diskussi kemm-il darba f’laqgħat ministerjali u waqt il-Kunsill Ewropew.

More in Politika