David Casa jiċħad li jrid idgħajjef lil Malta fl-UE

  • Mal-ILLUM jiċħad li qatt talab biex ikun invokat l-Artiklu 7 kontra Malta
  • Jgħid li huwa insult għall-PE li l-Prim Ministru ma jridx iwieġeb għar-rapport tal-MEPs

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa ċaħad li qed jimbotta sabiex l-Unjoni Ewropea tibda l-proċeduri kontra Malta skont l-Artiklu 7 tat-trattati.

Mal-ILLUM, David Casa ċaħad dan b’mod assolut u enfasizza li fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-delegazzjoni tal-MEPs li żaru Malta x-xahar li għadda biex jistħarrġu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna, ikun hemm enfasi fuq il-ħtieġa ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Malti biex fejn hemm nuqqasijiet fit-tħaddim tal-istituzzjonijiet, dawn jiġu indirizzati.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-gazzetta MaltaToday irrappurtat kif sors fil-Kumitat PANA tal-Parlament Ewropew, allega mal-gazzetta li David Casa ssuġġerixxa lill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) biex jiġi invokat l-Artiklu 7 fuq Malta.

Mal-ILLUM iżda Casa ċaħad dan u sostna li hija diffiċli li din issir fil-każ ta’ Malta. Proċeduri skont l-Artiklu 7 inbdew mill-Kummissjoni Ewropea kontra l-Polonja x-xahar li għadda, dan relatat mas-saltna tad-dritt. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni Ewropea li l-Kummissjoni invokat dan l-Artiklu mit-Trattat ta’ Liżbona.

David Casa qal li ilu mill-bidunett jgħid li għandu jkun hemm djalogu u li m’għandux jiġi invokat dan l-artiklu fil-konfront ta’ Malta.

Ftit tal-ħin wara d-dibattitu fil-Kumitat LIBE dwar ir-rapport tal-MEPs fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, David Casa qal mal-ILLUM li l-istituzzjonjiet f’Malta qed jiddgħajfu b’mod sistematiku mill-Gvern u li jagħmel ħażin jekk jinjora l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, li tfassal mill-gruppi politiċi kollha tal-Parlament Ewropew.

Mill-konklużjonijiet tar-rapport li sar minn delegazzjoni mmexxija mis-Soċjalista Ana Gomes, jirriżulta li l-MEPs iridu li f’Malta jiddaħħlu miżuri konkreti u aktar trasparenti fl-għażla u l-appuntar tal-ġudikatura u persuni oħra f’pożizzjonijiet pubbliċi. I

ssuġġerew ukoll li jkun hawn separazzjoni aktar ċara tal-poteri hekk kif inkludew li f’Malta hawn nuqqas ta’ indipendenza fil-ġudikatura, il-Pulizija u l-midja. L-MEPs qalu li l-Awtorità Bankarja Ewropea għandha tistħarreġ jekk l-MFSA hix f’pożizzjoni u mingħajr kunflitti ta’ interess biex twettaq dmirha ta’ superviżjoni, filwaqt li qalu li għandha ssir investigazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew fuq il-bank Pilatus.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew enfasizza li l-MEPs Nazzjonalisti qatt mhuma se jappoġġjaw miżuri fejn jidħlu s-sistemi tat-tassazzjoni u s-servizzi finanzjarji.

Casa qal li kienu s-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew li riedu li akkost ta’ kollox Malta tiġi ttimbrata bħala ‘tax haven’ mill-Kummissjoni Ewropea.

Sostna li kien bis-saħħa tal-EPP u gruppi politiċi oħra li dan l-attentat twaqqaf. Qal li l-MEPs Nazzjonalisti se jagħmlu ħilithom kollha biex “meta jkun hemm attakk li m’għandux x’jaqsam mas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, li m’għandux x’jaqsam mal-korruzzjoni f’pajjiżna, li m’għandux x’jaqsam fuq il-ħtif ta’ istituzzjonijiet importanti mill-Gvern, biex jipproteġi lilu nnifsu f’pajjiżna, aħna mhuma se jsibuna qatt warajhom.”

Dwar ir-rapport tas-saltna tad-dritt, David Casa enfasizza li għandha ssir diskussjoni fuq il-konklużjonijiet fil-Parlament Malti għaliex dan qed jirrakkomanda x’għandu jsir u x’għandu jinbidel fl-istituzzjonijiet Maltin biex ikun hawn ħarsien aħjar tas-saltna tad-dritt.

Qal li huwa insult għall-Parlament Ewropew, li l-Prim Ministru qal li se jinjorah għaliex hu jwieġeb biss lill-Prim Ministri u mhux lill-MEPs, li fi kliem Casa huma eletti b’mod demokratiku mill-popli Ewropej.

Qal ukoll li din l-istqarrija tal-Prim Ministru hija wkoll insult għall-MEPs Laburisti Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi.

David Casa qal mal-ILLUM li biex ikun hawn bidla verament, il-Prim Minisru għandu jneħħi liċ-Chief of Staff u Konrad Mizzi u wara jinbidel il-mod kif jinħatru l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u t-tibdiliet l-oħra kollha elenkati fir-rapport tal-MEPs.

X’jgħid l-Artikolu 7?

L-Artikolu 7 jiddixxiplina pajjiżi membri meta jkun hemm ‘riskju ċar ta' ksur serju’ tal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea fosthom is-saltna tad-dritt. Il-każ tal-Polonja fil-ġimgħat li għaddew kien l-ewwel darba li dan l-artiklu ssemma.

Kif jaħdem?

Biex jiskatta l-Artikolu 7, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea jew terz tal-pajjiżi membri jridu jressqu proposta. Il-Kunsill Ewropew, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, jaslu għal deċiżjoni li trid tinkludi erbgħa minn kull ħamsa tal-maġġoranza fil-Parlament. Ladarba din tiġi adottata, il-miżuri dixxiplinarji għandhom żewġ forom, dak ta’ mekkaniżmu preventiv u dak ta’ mekkaniżmu ta’ sanzjonar.

More in Politika