L-MUMN se tiltaqa' ma' Steward Healthcare qabel tieħu pożizzjoni

...Dalgħodu il-MAM ħabbret azzjonijiet industrijali u talbet biex isiru alleanzi bejn il-unjins fil-qasam tas-saħħa wara li tħabbar illi tliet sptarijiet se jgħaddu minn VGH għal għand Steward Healthcare

Colin Galea, segretarju Ġenerali tal-MUMN
Colin Galea, segretarju Ġenerali tal-MUMN

Fid-dawl ta' azzjonijiet industrijali li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret, iktar kmieni illum, li se tieħu fl-isptarijiet fid-dawl tal-kuntratt iffirmat mal-Vitals Global Healthcare, dan is-sit ħa l-kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) Colin Galea. 

Mistoqsi minn illum.com.mt jekk l-MUMN hix se tilqa' stedina biex tipparteċipa f'azzjonijiet industrijali fis-settur, Galea sostna li għalkemm għad m'hemm xejn formalizzat, il-unjin mistennija li tiltaqa' ma' Steward Healthcare aktar tard din il-ġimgħa. Steward Healthcare għandha tieħu f'idejha l-immaniġġjar ta' tliet sptarijiet mingħand VGH, skont ftehim li sar u kien imħabbar ftit qabel il-Milied. 

"L-MUMN tieħu pożizzjoni ladarba tiltaqa' u titkellem man-nies li mistennijin jimmanniġġjaw l-isptarijiet," sostna Galea. 

Il-MAM ħabbret, iktar kmieni illum, illi mhux talli mhux se tiltaqa' ma' Steward Healthcare, talli qed tavża b'azzjonijiet industrijali minħabba li qed takkuża lill-Gvern bi ksur tal-Ftehim Kollettiv. Il-MAM qed tinsisti li l-Gvern kellu dejjem javżaha dwar tibdiliet. F'każ illi jitqabbad il-privat il-ftehim kollettiv jistipula li minn sitt ġimgħat qabel l-assoċjazzjoni trid tkun infurmata. 

Il-Kunsill tal-MAM qed jappella għall-alleanzi bejn il-unjins kollha f'dan il-qasam, fid-dawl tal-bejgħ li s-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan iddeskriva bħala 'dubjuż' u 'jinten'. 

 

More in Politika