Il-Unjin Maltija tal-Għalliema qalet li qed tirriserva d-dritt li terġa’ tħabbar l-azzjonijiet industrijali fl-MCAST wara li sar magħruf li l-MCAST irtirat il-mandat ta’ inibizzjoni li waqqaf l-istrajk ta’ ħmistax ilu.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-aħbar li l-MCAST irtirat il-mandat, juri li l-amministrazzjoni tal-kulleġġ trid biss tkaxkar saqajha għad-detriment tal-edukaturi li fi kliemha bħalissa jinsabu b’moral baxx kemm minħabba l-kundizzjoniijiet li għandhom u anke minħabba dak li sejħet bħala “tattiċi” tal-MCAST.
Kompliet tgħid li din hija mossa li turi kemm l-amministrazzjoni ma kellha l-ebda argument u li kixfet il-maska tal-MCAST.
Il-Unjin saħqet li l-MCAST ma hi fl-ebda pożizzjoni li tagħmel kundizzjonijiet wara li fi kliemha, tilfet kull kredibilitá “b’tattiċi infantili li ma jagħmlu ġieħ lill-ebda istituzzjoni wisq aktar waħda edukattiva li taspira li tkun Universitá.”
Il-Unjin innutat ukoll li ma kien hemm l-ebda notifika mill-MCAST li ser jirtira l-mandat u ma kien hemm l-ebda kommunikazzjoni bejn l-MUT u l-MCAST f’dan ir-rigward.
Fost affarijiet oħra, l-MUT qed titlob kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-għalliema.