Ikompli l-isfrakass fil-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar

Il-Partit Nazzjonalista jakkuża lill-kunsilliera Laburisti li qed jistaġnaw il-ħidma tal-kunsill

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Kunsilliera Laburista ta’ San Pawl il-Baħar "reġgħu ħarbtu" l-laqgħa tal-Kunsill Lokali meta lbieraħ telqu ‘l barra tant li l-Kunsill reġa’ baqa staġnat.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali kien ta struzzjonijiet biex, wara deċiżjoni tal-Qorti, il-post ta’ sindku jimtela’ mill-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista li jkun ġab l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd wara s-sindku li jkun spiċċa mill-kariga. id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, f’isem il-PN, kien ippreżenta mandat ta’ inibizzjoni fil-Qrati  biex "jipproteġi r-rieda tal-poplu kif espressa fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2015.”

Il-Ħadd li għadda, l-ILLUM irrappurtat li b’264 vot, is-Sindku l-ġdid ta’ San Pawl il-Baħar se tkun Ann Marie Fenech. L-eks Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Graziella Galea kienet ġabet 1,546 vot u warajha ġew David Thanke b’639 vot u Robert Piscopo b’327. Thake kien irreżenja minn kunsillier filwaqt li Piscopo kien irriżenja mill-Partit Nazzjonalista u żamm is-siġġu tiegħu.

Piscopo, flimkien mal-kunsillier Joseph Vella, li wkoll irriżenja mill-PN, kienu firmatarji ta’ mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku Graziella Galea.

Iżda minkejja li kien jidher li se jkun hemm żblokk għal dan il-kunsill, il-PN saħaq li l-laqgħa tal-Kunsill kellha tieqaf ħesrem.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li “l-kilba għall-poter tal-Kunsillieri Laburisti" la tirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti u lanqas ma tirrispetta r-rieda tal-poplu tal-istess lokalità.

L-istqarrija tal-PN takkuża wkoll lill-Aġent Segretarju Eżekuttiv Elke Sghendo li “ippreġudikat il-pozizzjoni tagħha meta hi wkoll sfidat id-direttiva tal-Ministru Owen Bonnici."

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Ministru issa jrid jgħid x'passi se jieħu.

More in Politika