Illum il-Gvern ippreżenta abozz ta’ liġi li se jkun qed Ibiddel l-operattiv tat-tmexxija tal-Università ta’ Malta. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni sostna li dawn il-bidliet se jkunu qegħdin jippreċipitaw aktar demokrazija fit-tmexxija tal-Università ta’ Malta.
Il-liġi proposta se tkun qed tbiddel il-mod kif ir-rettur tal- Università se jibda jiġi elett, bidliet ukoll fil-kompożizzjoni tal-Kunsill, żieda ta’ studenti fil-kompożizzjoni tas-Senat kif ukoll bidliet fil-ħatra tad-Dekani tal-Fakultajiet.
Bidliet oħra jinkludu it-twaqqif ta’ diversi kumitati differenti fosthom dak, tal-istrateġija u l-finanzi li se jkollu l-funzjoni prinċipali li jipprepara pjan strateġiku għall- kull tliet snin, kif ukoll jagħti parir lill-Kunsill u lis-Senat fuq materji bħal-ħolqien, kambjament u tħassir ta’ korsijiet. Kif ukoll ħolqien ta’ kumitat eżekuttiv li se jkun inkarigat mid-deċiżjonijiet ta’ kuljum ta’ natura amministrattiv.
Apparti minn hekk l-abbozz preżentat elimina wkoll l-proposta tal-korp governattiv li kien se jkollu tliet membri minn ħamsa appuntati direttament mill-Gvern. Fil-passat reċenti din il-proposta kienet qajmet furur madwar l-akkademiċi.
Intant se jiġi mwaqqaf ukoll Kunsill tal-Appelli li se jħares biex l-Università ta’ Malta jkollha s-seta’ li tiddeċiedi l-appelli.