'Taxxa komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE hi perikoluża'

L-MEP Laburista Alfred Sant ikompli jopponi l-proposti ta' taxxa komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE

Fi stqarrija l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant saħaq li, l-proposa ġdida dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-Unjoni Ewropea hija perikoluża. Is-sena dieħla, il-Parlament Ewropew mistenni  jivvota  għall-pakkett finanzjarju wara l-kampanja elettorali u l-elezzjonijiet fl-istati membri tal-UE.Sant qal li qbil fuq il-pakkett finali dwar il-baġit Ewropew 2021-2027 sa Mejju 2019 se jkun diffiċli u demokratikament dibattibbli.

Sant qal li hemm fatturi kontradittorji fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, “Ġustament, il-KE qed turi t-tħassib għal ħofra mdaqqsa fil-baġit tal-UE bil-Brexit. Għal din ir-raġuni, ġie propost tnaqqas fl-infiq kruċjali ddedikat lil koeżjoni, kif ukoll l-agrikoltura.”  Sant irrefera wkoll għal Fond tad-Difiża li jidher prominenti fost il-prijoritajiet ġodda biex jiġu ffinanzjati mill-UE.

“Għalkemm id-difiża hija u għandha tibqa’ l-kompetenza tal-istati membri, dan il-fond il-ġdid jista’ jispiċċa jiekol mill-fondi ta’ programmi tal-UE li ilhom stabbiliti.Dr Sant qal li huwa ċar li ħafna pajjiżi huma kontra sistema f’livell Ewropew fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva. Din il-proposta tista’ twassal għal kunflitt jew għal staġnar.  Il-qgħad, it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni, issa se jibdew jiġu kkunsidrati bħala indikaturi rilevanti għall-allokazzjoni tal-fondi ta’ Koeżjoni. Imma l-pożizzjoni ġeografika tar-reġjuni, speċjalment tal-insularità, ma għandhiex tiġi injorata, temm jgħid l-MEP Malti.

More in Politika