Il-Knisja b'ittra biex db Group jirrevedu l-proġett tal-Bajja ta' San Ġorġ
- Il-Kummissjoni tal-Knisja qalet li l-proġett għandu jkun rivedut b’tali mod li l-komunitajiet ma jbatux minnu
- Tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar
- Tagħmel tliet proposti lill-Gvern
minn Yendrick Cioffi
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) bagħtet ittra lil kumpanija Hard Rock Hotels tħeġġiġhom biex jagħmlu pressjoni fuq l-applikanti tal-proġett tad-db f’Pembroke sabiex jirrevedu l-proġett.
Fl-ittra, il-Kummissjoni tal-Knisja qalet li l-proġett għandu jkun rivedut b’tali mod li l-komunitajiet, l-aktar dawk lokali, ma jbatux mill-iżvilupp.
Tfakkar lill-kumpanija, li hi stess tiddikjara, fil-policy tagħha, li jmexxu n-negozju b’rispett lejn il-komunitajiet.
Kien hawn li saħqet li l-kumpanija għandha bħala mottos: “Love All – Serve All, All is One, Take Time To Be Kind, Save the Planet” (Ħobb lil kulħadd – Aqdi lil kulħadd; Ilkoll magħqudin; Sib il-ħin biex tħenn; Salva l-pjaneta).
"Il-mottos ta’ Hard Rock Hotels huwa kważi kważi offiża għall-komunità ta’ Pembroke li se jkollha tbati l-konsegwenzi, jekk il-proposta tal-proġett tiġi approvata," tkompli l-Kummissjoni Ambjent.
'L-interessi ta’ min qiegħda tħares l-Awtorità tal-Ippjanar?'
Fi stqarrija, mibgħuta lill-midja, il-Kummissjoni Ambjent tisħaq li l-proġett propost mid-db Group għaż-żona tal-Bajja ta’ San Ġorġ “jagħmel għajb lil sistema ta’ ppjanar li l-għan tagħha għandu jkun li toħloq u taqdi komunitajiet sostenibbli.”
“Il-KA tħares lejn il-proġett propost bħala sintomu ta’ sistema ta’ ppjanar li apparentement qiegħda tiżżarma biex postha tieħdu sistema fejn il-priorità tingħata lill-proġetti individwali aktar milli lill-proġetti li jiżguraw il-ġid komunitarju,” tisħaq l-istqarrija. “Dan huwa riżultat ċar ta’ policies imfassla fuq pariri ħżiena u deċiżjonijiet kontroversjali.”
Il-Kummissjoni tkompli tisħaq li huwa ta’ tħassib għax fi kliemha, l-awtorità, “li suppost għandha d-dmir li tippjana biex tipproteġi l-interessi taċ-ċittadin komuni,” qed twarrab ippjanar biex tiffavorixxi “approċċ frammentat ta’ proġetti hekk imsejħa ta’ żvilupp.”
Il-KA tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha quddiem il-PA
Intant, il-Knisja ressqet ukoll l-oġġezzjonijiet tagħha lill-Awtorità tal-Ippjanar tilmenta fost oħrajn dwar it-traffiku u l-kobor tal-proġett.
Il-Kummissjoni ilmentat għax skontha:
- L-għoli tal-bini huwa eċċessiv meta tqis l-inħawi li fih ser jittella’
- Il-kobor tal-proġett ma jatix kas l-impatt fuq it-traffiku, l-impatt viżwali, u l-aċċess għad-dawl tax-xemx
- Studji fuq l-impatt tat-traffiku juru li jridu jsiru xogħlijiet infrastrutturali kbar biex jitnaqqas l-effett taż-żieda fit-traffiku
- Hemm il-possibiltà li l-proġett ikollu impatt negattiv fuq is-sit Natura 2000 ta’ Pembroke
'Il-proġetti qed ikunu mwiegħda qabel ma jkunu saru studji bir-reqqa'
Kien f'dan id-dawl, li l-KA ħeġġet lill-PA biex tħejji u tippubblika rapporti dwar l-impatt li qed ikollhom fuq il-komunitajiet il-policies li hi u l-Gvern qed japprovaw.
"Il-PA tkun qed tonqos lill-komunità jekk dan ix-xogħol ma twettqux," tisħaq il-KA. "Jidher li qed ngħixu fi żmien meta l-proġetti qed jiġu negozjati u jkunu mwiegħda qabel ma jkunu saru studji bir-reqqa u konsultazzjoni pubblika serja."
Il-Knisja bi tliet proposti għall-Gvern:
Fakkret ukoll li f’Diċembru tal-2015 kienet għamlet għadd ta’ proposti msejsa fuq l-enċiklika Laudato Si tal-Papa Franġisku. Fost dawk li japplikaw għal dan il-każ insibu dawn it-tlieta:
- Nistiednu lill-Gvern biex jalloka fondi għal studju dwar id-domanda u l-provvista tal-propjetà f’Malta u l-ambjent ekonomiku u fiskali li jaffettwa l-propjetà.
- Nappellaw lill-Gvern biex iwettaq ir-riformi meħtieġa fil-mod kif jikri, jagħti b’ċens jew jgħaddi art pubblika lil terzi persuni, u biex jiżgura trasparenza fl-għoti ta’ tenders li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent.
- Nistiednu lill-intrapriżi biex iħarsu lejn ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom iktar minn sempliċi reklamar li jinkludi ritratti ta’ impjegati li qed jagħtu daqqa t’id fit-tindif tal-kampanja jew jagħmlu xogħlijiet tal-idejn f’postijiet li jospitaw nies żvantaġġati.