Wara aktar minn ħmistax sieket, is-sit illum.com.mt jista' jikkonferma li llejla, Patri Mark Montebello, se jkun qed jikser is-silenzju hekk kif se jkun wieħed minn dawk li se jagħmel diskors waqt l-inawgurazzjoni tal-monument tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff, fi Pjazza Kastilja.
Patri Mark twaqqaf, ħabta u sabta mill-Provinċja Dumnikana, milli jkompli jikteb fuq il-ġurnali u anke fuq Facebook.
Għalkemm ir-raġuni għadha mhux magħrufa, x'aktarx li Patri Mark ġie ċċensurat wara li kkritika l-istrateġija tal-Knisja kontra l-emendi proposti mill-Gvern għal-liġi dwar l-IVF.
Skont il-gazzetta, 'It-Torċa,' li magħha kien ilu jikteb mill-1993, Patri Mark saħansitra kien imwissi li jekk jikteb jew jikkummenta se titneħħilu l-quddiesa.
Ftit ġimgħat qabel ma ssikket, Patri Mark kien intervistat mill-gazzetta ILLUM fejn saħansitra kkritika r-retweet tal-Arċisqof u qal li ħasibha ċajta tal-ewwel ta' April.
Intant, ftit wara li ħarġet l-aħbar taċ-ċensura, l-Arċisqof Charles Scicluna kien offra li jiltaqa' mal-Provinċjal Dumnikan u anke ma' Patri Mark biex tinstab soluzzjoni.
Il-monument ta' Mintoff se jkun inawgurat illejla, fit-8:00pm, fi Pjazza Kastilja.