L-Membru Parlamentari Ewropew Soċjalista Ana Gomes, f'konferenza tal-aħbarijiet f'Dar l-Ewropa, qalet illi r-rapport finali tad-delegazzjoni se jkun qed jagħti l-istampa kollha b'żewġ elementi partikolari. "L-ewwel il-fatt li Ministru u Chief of Staff tal-PM li ssemmew fil-Panama Papers għadhom fil-pożizzjoni. Nafu li hemm investigazzjonijiet, imma l-fatt li għadhom fil-kariga hija disturbanti. It-tieni, l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Mħassbin dwar il-pass tal-investigazzjoni," qalet Gomes.
L-MEP sostniet li f'pajjiżna għad hawn arja ta' intimidazzjoni, li skontha żdiedet minflok naqset mill-aħħar darba li ġew Malta, fl-aħħar tal-2017.
Hija qalet li d-delegazzjoni talbet biex tiltaqa' mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, imma dan lanqas biss irrisponda lura. Gomes sostniet li elezzjoni ma tneħħi xejn minn akkużi ta' korruzzjoni.
Għall-mistoqsija tal-illum.com.mt Gomes qalet li apprezzaw li l-Maġistrati kienu lesti jiltaqgħu magħhom għalkemm għamlitha ċara li ma kienux diskussi materji relatati mal-kontenut tal-inkjesti, imma biss materji relatati ma' proċedura.
L-MEP tal-Ħodor Sven Giegold qal li kien hemm nuqqas ta' rispons proprizju għall-istejjer ippublikati minn Daphne Project. Huwa qal li jekk il-Maġistrat imexxi l-investigazzjoni, ir-riżorsi kollha tiegħu għandhom ikunu fuq il-każ.
"Malta qed tirriskja l-futur finanzjarju jekk ma jieħux ħsieb l-isem tagħha...nispera li biż-żjara tagħna dawk kollha li jinvestu f'Malta ma jkollhomx l-investiment ipperikolat minħabba l-kompjaċenza fil-każ tal-kontijiet fil-Panama."
Huwa appella lill-Maltin biex jaħdmu u jiffukaw fuq il-kwistjoni tas-saltna tad-dritt "biex ikun protett isem Malta."
Għall-mistoqsija tal-illum.com.mt Giegold qal illi hu qajjem il-kwistjoni tal-allegazzjonijiet li saru minn Daphne Caruana Galizia dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia meta d-delegazzjoni ltaqgħet mal-PN dalgħodu. Hu qal li meta jitkellem dwar saltna tad-dritt jkun qed jirreferi għal kulħadd u għal kull partit politiku.
L-MEP tal-PN David Casa qal li qed jistenna b'ħerqa d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell Griega u ttama li Maria Efimova ma tintbagħtx lura Malta minħabba dak li hu sejjaħ kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tagħha.
"John Dalli prova jakkużana illi aħna gdibna. John Dalli suppost kien mressaq il-Qorti imma ma kienx, għax inbidel il-Gvern. Qal li sar theddid minn Daphne Caruana Galizia, biex imbagħad biddel id-diska meta irriżulta li r-rapport ma kienx miktub minn Caruana Galizia," qal Casa dwar il-laqgħa li d-delegazzjoni kellha ma' Dalli.
L-MEP Nazzjonalista qal li sal-lum il-Kummissarju tal-Pulizija għadu ma bagħtx għalih biex jistaqsieh dwar ir-rapport tal-FIAU li hu pprezenta quddiem il-Qorti.