Minn dalgħodu l-infermiera qed isegwu direttivi industrijali
...dawn id-direttivi mistennija jolqtu s-servizzi kollha tas-saħħa
More in Politika
...dawn id-direttivi mistennija jolqtu s-servizzi kollha tas-saħħa
Minn dalgħodu daħlu fis-seħħ għadd ta' direttivi għall-infermiera u l-qwiebel liema direttivi mistennija jolqtu s-servizzi kollha tas-saħħa.
Dan ġew ordnati mill-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel wara li baqa' ma ntlaħaqx qbil dwar il-Ftehim Settorjali, bl-istess unjin takkuża lil-Gvern li mhuwiex sensittiv għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-infermiera u li minħabba f'hekk qed ibatu wkoll il-pazjenti.
Id-direttivi qed isiru għall-infermiera u/jew qwiebel fl-Isptar Mater Dei, inkluż dawk li jaħdmu fl-Emerġenza u d-Dipartiment tal-Out Patients, l-Isptar Pawlu Boffa, fiċ-ċentri kollha tas-saħħa madwar il-pajjiż, fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fl-Isptar Monte Carmeli, San Vinċenz De Paule, il-Unit tal-Endeskopija u fit-teatri kollha tal-operazzjonijiet.
Dan apparti l-infemiera, membri tal-MUMN, li jaħdmu fid-djar tal-anzjani.
Kien is-sit illum.com.mt li ħabbar dawn id-direttivi u nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat kif minħabba n-nuqqas ta' infermiera, qed jitħassru madwar 15-il operazzjoni fil-ġimgħa fl-isptar Mater Dei.
Dan kien ikkonfermat ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-isptar, Ivan Falzon li spjega kif madwar 150 operazzjoni jitħassru kull xahar, numru minnhom minħabba nuqqas ta' riżorsi umani.
F’kumment mal-gazzetta ILLUM, Maria Cutajar, il-President tal-MUMN, kienet fakkret li l-proċess kollu biex ikun iffirmat ftehim settorjali ġdid ilu li beda mis-sena l-oħra, sakemm is-sit illum.com.mt żvela kif dawn in-negozjati waqgħu nhar il-15 ta’ Ġunju.
L-infermiera kienu ġew infurmati bid-direttivi permezz ta' ittra mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, Colin Galea, li kien qal hekk: "Konna infurmajniekom li ġej sajf jaħraq u emmnuni se jkun sajf jaħraq ferm."
F’kuntatt mal-istess gazzetta, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kienet qalet li l-Ministeru huwa fiduċjuż li finalment se jkun qed jintlaħaq qbil.
X'mhux jagħmlu l-infermiera?
Fost affarijiet oħra, l-infermiera fl-Isptar Mater Dei ngħataw struzzjonijiet biex ma jgħinux fit-trasferiment tal-pazjenti lejn it-teatri tal-operazzjonijiet jew inkella għal proċeduri oħra, fosthom għall-endoscopy.
Qabel l-10:30am, l-infermiera mhux se jkunu preżenti fis-swali tal-operazzjonijiet u anke fil-kmamar tal-endoscopy mhux se jkunu qed jassistu fil-proċedura qabel l-10:30am.
Fit-Taqsima tal-Kura Intensiva l-infermiera mhux se jkunu qed jgħinu lill-pazjenti biex jimxu minn post għall-ieħor u ngħataw ukoll struzzjonijiet biex ma jlibbsux lill-mejtin.