Waslet fi tmiemha l-evalwazzjoni dwar proġett li jfakkar it-Tieqa tad-Dwejra
...dan se jwassal biex wara 13-il sena jitwaqqaf id-Dwejra Heritage Park
minn Yendrick Cioffi
L-Awtorita tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waslet biex tlesti l-proċess ta’ evalwazzjoni dwar dak li se jkun qiegħed isir fid-Dwejra biex, fost affarijiet oħra, ifakkar it-Tieqa li kienet waħda mill-aktar attrazzjonijiet popolari tal-Gżejjer Maltin.
Kelliem qal mal-gazzetta ILLUM li l-Awtorità waslet fil-fażi finali biex tlesti l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Preliminary Market Consultation biex jitwaqqaf dak li qed jissejjaħ id-Dwejra Heritage Park.
It-twaqqif ta’ dan il-park ilu jissemma mill-2004 iżda ostaklu wara l-ieħor wasslu biex dan qatt ma mmaterjalizza. Lura f’Diċembru tal-2005, dak iż-żmien l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar kienet saħansitra nediet pjan ta’ azzjoni biex jitwaqqaf dan il-Park li kellu jkun implimentat fi żmien ħames snin.
Minkejja dan, kellha tkun it-Tieqa tad-Dwejra, jew inkella n-nuqqas tagħha, biex 13-il sena wara, reġgħet feġġet it-tama għad-Dwejra Heritage Park.
Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Awtorità jekk tistax tindika fiex wasal il-proċess biex ikun imniedi proġett li jfakkar it-Tieqa tad-Dwejra, kemm ġew sottomessi proposti u anke jekk jistax jindika wħud mill-proposti.
Iżda fir-risposta tiegħu, il-kelliem semma biss il-proċess ta’ evalwazzjoni għat-twaqqif tad-Dwejra Heritage Park u dan minkejja li fit-tender, li għalaq f’Jannar li għadda, it-Tieqa tad-Dwejra ma tissemma mkien. Id-dokumenti mhumiex aċċessibbli.
L-istess kelliem qal ukoll li l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Kliema, se jkun qed iħabbar l-informazzjoni kollha ‘aktar ’il quddiem.’
X’ideat kienu qed jissemmew?
It-Tieqa tad-Dwerja, magħrufa mad-Dinja kollha u protagonista ta’ Clash of the Titans u s-serje Game of Thrones, waqgħet fit-8 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet.
Kien propju l-għada li għebet it-Tieqa meta l-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar inizjattiva internazzjonali dwar l-aħjar mod kif it-Tieqa tad-Dwejra tista’ tkun imfakkra.
Kienu diġà bdew jissemmew diversi ideat ta’ x’jista’ jsir. Kien hemm min ippropona li l-blat jittella’ mill-baħar u jitħalla għall-wiri, oħrajn semmew ċentru ta’ interpretazzjoni fejn it-Tieqa tkun ikkreata b’mod virtwali, min ippropona struttura artifiċjali li tfakkarha u kien hemm min saħansitra qal li jippreferi li s-sit jitħalla kif inhu u ma jkunx minsus.
Minkejja dan, minn dak iż-żmien baqa’ qatt ma ssemma xejn dwar il-proposti u x’se jkun qed isir.
F’Marzu li għadda, fl-ewwel anniverarju mingħajr it-Tieqa tad-Dwejra, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kienet qalet li l-Gvern irid ibiddel din it-telfa f’opportunità u kienet ħabbret it-twaqqif tad-‘Dwejra Opportunity Fund.’
Dan il-fond jinkludi donazzjonijiet minn kumpaniji u anke fondi oħra mill-Ministeru għal Għawdex. Dawn il-kumpaniji li jagħtu d-donazzjonijiet ikunu eliġibbli għal benefiċċji marbuta mal-ħlas tat-taxxa.
L-għan huwa li dawn il-fondi jintużaw minn dawn l-organizzazzjonijiet u individwi li jagħmlu riċerka fuq siti ta’ patrimonju naturali u anke minn min ikun qed jaħdem fuq proġetti ta’ natura kulturali f’Għawdex.