Bħalissa, esperti tal-Qorti jinsabu abbord il-bastiment Lifeline biex jispezjonawh bħala parti mill-każ miftuħ kontra l-kaptan Claus-Peter Reisch.
Kien il-Maġistrat Joe Mifsud li talab li ssir spezzjoni tal-bastiment u talab ukoll lill-esperti biex jinvestigaw il-kompjuters li hemm abbord, xi ħaġa li d-Difiża ma qablitx magħha għax skontha dan ma għandu xejn x'jaqsam mal-każ.
Il-Qorti ħatret lil Pierre Zammit Endrich u lil Martin Bajada biex jispezzjonaw il-bastiment li qed jinżamm irmunkat l-Isla.
Claus-Peter Reish ittella' l-Qorti ftit jiem wara li l-bastiment tħalla jidħol Malta, b'233 immigrant abbord, wara ħamest ijiem bejn sema u ilma.
Reisch qed ikun akkużat li kien qed imexxi bastiment b'reġistrazzjoni rregolari.
S'issa fil-Qorti ħarġu dawn il-punti:
Il-Gvern Malti kien akkuża wkoll lill-kaptan li injora struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani, tant li l-Prim Ministru Joseph Muscat tefa' l-ħtija tal-kwistjoni kollha li nqalgħet fuq il-kaptan.
Minn dakinhar li nżamm il-bastiment f'Malta, il-Gvern Malti għalaq il-portijiet għall-bastimenti tal-NGOs li jsalvaw l-immigranti.
Dan ġab il-kundanna ta' diversi għaqdiet li qed jakkużaw lill-Gvern li bid-deċiżjoni tiegħu, mijiet ta' immigranti qed imutu fil-Mediterran. Ma' dawn ingħaqdu wkoll L-Arċisqof ta' Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech.