L-Unjoni Ewropea talbet lill-kumpanija Google biex tħallas multa ta' €4.3 biljun wara li sabitha ħatja li abbużat mis-sistema popolari tagħha tal-Android.
Il-kumpanija kienet qed tkun akkużata li użat is-sistema operattiva Android biex tibblokka lir-rivali tal-kumpanija Google, xi ħaġa li tmur kontra r-regolamenti Ewropew.
Is-sistema Android hija l-aktar sistema ta' mobile software popolari u hija installata fuq aktar minn 80% tal-ismartphones fid-dinja kollha.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea saħqet li Google jeħtieġ li tkun aktar ġusta fil-kompetizzjoni tagħha u tħalli kumpaniji oħra, li huma ħafna iżgħar minnha, biex joperaw.
Il-multa li ngħatat hija l-ogħla waħda li qatt ingħatat mill-Kummissjoni Ewropea lil kumpanija li kisret regoli dwar il-kompetizzjoni.
Fil-fatt Google rnexxielha tikser ir-rekord tagħha stess meta kienet weħlet multa ta' €2.4 wara li nstabet ħatja li mmanipulat l-informazzjoni li titla' meta wieħed ifittex fuq l-internat, bil-għan li tippromwovi s-servizzi tagħha fuq dawk tal-kompetituri.